“Meta qomt ma kontx naf li qiegħda ċ-Ċina.”
Lan tiftakar il-lejl li matulu ħajjitha nbidlet totalment, u tirrakontah lill-aġenzija tal-aħbarijiet CNN.
Meta kienet qed tiprepara għall-Università, ħabib li ltaqgħat miegħu onlajn saqsiha sabiex flimkien ma’ sħabu tmur ikla miegħu. Wara din l-ikla hija bdiet tgħid lil ħabib tagħha li xtaqet tmur id-dar għax kienet għajjiena, iżda l-grupp kollhu beda jisfurza tibqa’ hemm u tkompli tixrob magħhom.
Iżda żgur li ma stenitx li wara dik l-ikla hija kienet ser tiġi traffikata lejn iċ-Ċina.
“Dak il-ħin ridt nitlaq, kien hemm iżjed tfajliet fil-karozza imma kien hemm ukoll gwardji sabiex jaraw li ma nitilqux” iddeskrivit Lan.
L-irħula tul il-fruntiera ta’ bejn il-Vjetnam u ċ-Ċina huma magħrufin għat-traffikar tan-nisa. Tfajliet, saħansitra ta’ 13-il sena, jingħataw drogi u jiġu traffikati bid-dgħajjes, muturi jew karozzi. Bosta nisa mill-Vjetnam jiġu traffikati lejn iċ-Ċina, dan huwa riżultat ta’ politika Ċiniża li tgħid li kull familja jista’ jkollha wild wieħed biss. Dan wasal għal differenza kbira bejn is-sessi u għalhekk l-irġiel jaslu jħalsu ammonti kbar ta’ flus sabiex ikollhom mara.
“Sabiex raġel Ċiniż jiżewweġ mara Ċiniża, jrid iħallas ammont kbir ta’ flus”. Dan spjegatu Ha Thi Van Khanh, l-ko-ordinatriċi tan- Nazzjonijiet magħquda kontra t-traffikar fil-Vjetnam. Normalment għax fost oħrajn jkunu jridu jixtru d-dar li l-koppja jkunu ser jgħixu fiha. Dan huwa fattur ieħor li jwassal l-istess irġiel sabiex jimpurtaw nisa minn pajjiżi oħra, fosthom mill-Vjetnam. Minkejja li jħallsu flejjes kbar ta’ flus, ma jħalsux l-istess ammonti daqs meta jiżewġu mara tal-istess nazzjonalità.
Statistika uffiċjali turi kif in-nisa traffikati lejn iċ-Ċina jammontaw għal 70% tan-numru totali ta’ nisa traffikati barra mill-pajjiż, iżda dawn n-numri jibqgħu diffiċli sabiex jiġu determinati.