L-Olimpjadi ta’ Rio ġew fi tmiemhom b’ċerimonja spettakolari ispirata mill-karnival li l-Brażil huwa magħruf għalih.
Fl-istess waqt saret il-handover uffiċjali lill-belt Ġappuniża Tokjo, li se tospita l-Olimpjadi fl-2020. Fost l-iktar mumenti speċjali, kien hemm dak meta l-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe tfaċċa liebes kostum ta’ Super Mario.
Iċ-ċerimonja kulurita, li damet tliet sigħat, iċċelebrat l-arti tal-Brażil u saret fl-istadium Maracana.
Il-kap tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, Thomas Bach, qal li l-Olimpjadi kienu ‘meraviljużi’ u saru f’belt meraviljuża.
Bach għalaq uffiċjalment il-logħob tal-31 edizzjoni wara 16-il jum ta’ kompetizzjoni, li ra 11,303 atleti minn 206 pajjiż flimkien ma’ team tar-refuġjati.