Id-Deputat Nazzjonalista David Agius sostna li meta l-partit tiegħu jkun fil-Gvern, wieħed jara jżommx l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, jiġifieri li l-kontijiet tad-dawl ma jogħlewx.
L-eks Viċi Kap Nazzjonalista, illum ukoll kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, sostna dan waqt li l-Kap tal-Partit Bernard Grech mhux biss kien qal li l-għajnuna mhix sostenibbli, iżda issa jrid jilliberalizza s-suq tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li tfisser kontijiet tad-dawl ogħla għall-Maltin u l-Għawdxin.
Mistoqsi minn ONE News jekk iżommx is-sussidji fl-enerġija, David Agius qal b’mod ċar li wieħed imbagħad jara meta l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern.
Ġurnalist: “Taqbel li għandhom jinqatgħu s-sussidji kif qal il-Kap Bernard Grech?”
Agius: “Is-sussidji qegħdin hemmhekk, f’dak li għandu x’jaqsam skont iċ-ċirkostanzi li jiddeċiedi l-Gvern. Issa jekk il-Gvern Laburista, mhux se jżommhom is-sussidji, dik problema tiegħu. Meta nkunu fil-Gvern naraw is-sitwazzjoni li jkollna.”
Bernard Grech irid il-liberalizzazzjoni tas-suq fejn tidħol l-enerġija, fi kliem ieħor, iħalli s-suq, isuq.
Bernard Grech: “Immorru għal-liberalizzazzjoni tas-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija.”
Ir-reazzjonijiet għal dan kienu bosta, hekk kif issemmew argumenti li b’dak li jrid il-Partit Nazzjonalista mhux biss jipperikola x-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta, iżda anke l-familji jispiċċaw iħallsu kontijiet tad-dawl ogħla.
Iżda għal Bernard Grech, din tibqa’ l-aktar proposta b’saħħitha li ħareġ biha.
Tkellimna fuq xi ħaġa importanti ħafna. Tkellimna fuq il-liberalizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku. U allura hawnhekk il-Labour malli rrealizza ħriġna disa’ proposti b’saħħithom, speċjalment din.
Bernard Grech mhux biss kien tkellem kontra l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern fl-enerġija, iżda minbarra li baqa’ mingħajr costings għall-pożizzjoni li ħa fuq l-enerġija, meta kien mistoqsi b’mod ċar x’jagħmel hu quddiem żieda fil-prezzijiet internazzjonali fl-enerġija, hu kien wieġeb li jekk jogħlew barra minn Malta, allura jogħlew f’pajjiżna wkoll għall-familji u n-negozji.
Bernard Grech: “Ta’ jogħlew barra, joghlew f’Malta wkoll”