“Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nsir omm, imma meta kont nimmaġina lili nnifsi bħala omm, ma kontx nimmaġina li se jkolli tifel bil-kundizzjoni tal-awtiżmu”.
Hekk qaltilna Sefora Tabone. Omm żagħżugħa ta’ 24 sena, li d-dinja tagħha ddur madwar iċ-ċkejken Diego. Diego għandu biss tliet snin u nofs, iżda l-enerġija li għadu hija kbira. Meta kellu biss sentejn, omm u missier Diego ngħataw l-aħbar li binhom għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu. Kundizzjoni li għalkemm inviżibbli, iġġib diversi sfidi mhux biss għaċ-ċkejken, iżda anke għall-ġenituri.
Stqasejna lil Sefora x’ħasset meta ħadet l-aħbar.
“Ix-xokk kien kbir. Hija xi ħaġa li ma tkunx qed tistenna li se tiġi fuqek. Tisma’ ħafna fuqha, imma bħal kull ħaġa oħra, ma tistenniex li se tiġi fuqek”.
Li tkun ġenitur hija sfida minnu nnifsu. Aħseb u ara tkun ġenitur ta’ tifel bl-awtiżmu.
“Fiha l-isfidi tagħha għax mhux bħal meta jkollok tarbija ‘normali’, bil-mixja tiegħu, aktar ma jikber aktar isir indipendenti. Diego għadu mhux potty trained, irid l-għajnuna biex jiekol, kapaċi jimxi imma jkun iridek terfgħu, fit-triq jibża’ ħafna. Sense of danger ma teżistix”.
Fortunatament, Sefora kisbet ħafna appoġġ miċ-ċentru tal-ħarsien tat-tfal fejn kienet tibgħat lil binha, mill-iskola, mill-post tax-xogħol tagħha, u naturalment mill-familji.
Għall-omm żagħżugħa, waħda mill-akbar sfidi hija s-soċjetà, għax ikun hemm min jgħaddi kumment bla ma jgħarbel kliemu sew. Episodju li weġġgħet lil Sefora kienet meta darba marret tixtri l-uniformi tal-iskola tat-tifel.
“Meta staqsejt jekk hemmx kamra kwieta fejn Diego jista’ jipprova, il-ħanut ma kienx attrezzat u għamlilna sitwazzjoni diffiċli immens. Jiena nixtieq inqajjem kuxjena wkoll, li bħalma aħna nipprovdu rampi għal min juża siġġu tar-roti, li huwa tajjeb immens, għaliex m’għandniex ikollna post għal tfal bl-awtiżmu f’post li qed tikkejterja għat-tfal?”
Sefora qalet li għalkemm hawn ħafna għarfien dwar il-bżonnijiet ta’ tfal bl-awtiżmu, wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll l-isfidi li jaffaċċja l-ġenitur. Fosthom, leave estensiv li wieħed irid jieħu biex ikun jista’ jieħu lil uliedu bl-awtiżmu għat-terapija meħtieġa, u l-bżonnijiet li jridu jistaqsu għalihom qabel ma jibagħtu lil uliedhom f’xi ambjent ġdid.
Allura, Sefora, ġieli tħossha li ma tistax tkompli sejra hekk?
“Kuljum. Kuljum f’xi ħin ngħid li għajjejt u li ma niflaħx aktar u ma nafx x’se nagħmel. Imma x’ħin inħares lejh terġa’ tiġini s-saħħa kollha. Huwa kollox għalija, lanqas tgħaddili minn moħħi ngħid daqshekk. Nibqa’ niġġieled kuljum biex fl-aħħar mill-aħħar ittih l-aqwa ħajja possibbli li tista’ ttih”.