Bħal-lum xahrejn oħra se nkunu qed niċċelebraw il-Milied. Festa li tinżel għasel ma’ bosta nies kemm minħabba l-ispirtu tal-Milied, xi ikel tal-festi u anke hekk kif għal ċertu familji tfisser l-għaqda wara sena ‘l bogħod minn xulxin kawża tal-ħajja mgħaġġla tal-lum.
Iżda minkejja li bosta jqattgħu l-jum tal-Milied mal-familja, dan mhux il-każ għal bosta oħrajn. Fosthom membri mill-Korp tal-Pulizija, persuni li jaħdmu fid-dinja tal-ikel bħal ristoranti u lukandi, anzjani li forsi m’għandhomx qraba, persuni li tilfu lil maħbubin tagħhom u ħafna aktar – kemm minħabba li forsi jkunu xogħol u kif ukoll għax forsi din il-festa tfakkarhom f’memorji ta’ swied ta’ qalb.
Għalekk, b’differenza għas-snin ta’ qabel, għal dan il-Milied wieħed għandu jżomm f’moħħu lil dawn il-persuni u jekk forsi tisma’ li xi ħadd se jqatta’ din il-festa waħdu, pprova għamel mezz biex tkun int li xxerred l-ispirtu tal-Milied u tagħmel ġest nobbli ma’ persuni li forsi għal xi raġuni jew oħra jiddejqu li tkun waslet din il-festa.