Meta ma felaħx iħallas biex imantni l-iljuni, l-pumas u leopardi, b’nefqa ta’ madwar elf ewro fil-ġimgħa, l-akkużat kien jitmagħhom it-tjur.
Dan ħareġ mill-Qorti, hekk kif dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Martin Farrugia u Herniette Cassar li qed jiġu akkużati bi frodi li laħħaq it-€62 miljun.
Waqt is-seduta ta’ dalgħodu ħareġ li Farrugia kellu bosta annimali eżotiċi, fosthom seba’ ljuni, tmien pumas, żewġ leopardi, 14-il żiemel u żebri.
Farrugia kellu wkoll numru ta’ karozzi lussużi.
L-Ispettur Joseph Scerri xehed li, mill-investigazzjoni tal-Pulizija, kien hemm diskrepanzi kbar bejn il-qligħ minn elenku twil ta’ proġetti u xogħlijiet u dak iddikjarat mad-Dipartiment tal-VAT.
Xehed ukoll li kien hemm mas-€27 miljun f’bejgħ mhux iddikjarat u miljun fi frodi, minn kumpanija waħda biss.
Xehed li meta l-Pulizija qabblet l-ammont ta’ €4.69 miljun f’xogħol li sar minn kumpanija oħra u dak li kellu jitħallas VAT fuqu ma’ dak iddikjarat sabet diskrepanza ta’ €2.8 miljun.
Potenzjalment, xehed l-Ispettur, kien hemm €400,000 f’VAT iffrodati.