Saret drawwa għall-membri tal-Oppożizzjoni li jattakkaw jew jirreferu għal qraba ta’ deputati jew uffiċjali tal-Partit Laburista.
Rajniha fil-każ tad-deputat Silvio Schembri li nfetaħ attakk fuqu għax martu taħdem l-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Biex wara xhur sħaħ (saħansitra filwaqt li kienet tqila) li fihom kienet fil-mira ta’ kampanja sistematika fu il-media tal-PN irriżulta li bil-provi li ma kellha xejn x’taħbi.
Riċentament Schembri rebaħ libell u mis-sentenza tal-Maġistrat irriżulta kemm hi kwalifikata għal dak li qed tagħmel.
Biex ma nsemmix lil Sai Mizzi. Hi wkoll kienet fil-mira ta’ kampanja qalila akkużata li tieħu salarju ta’ €13,000 fix-xahar. Xi ħaġa li mhix minnha. Għaliex Sai Mizzi mhijiex imħallsa daqs kemm kien Richard Cachia Caruana.
Imbagħad hemm ir-referenzi spissi lejn ‘il-partner’ fil-każ tal-kollega Janice Bartolo, li meta tistaqsi mistoqsijiet leġittimi jitfaċċa isem il-Ministru Owen Bonnici. Dan anke jekk is-suġġet ma jkollu x’jaqsam xejn. Therese Commodini Cachia għamlet referenza indiretta meta fuq Reporter bdiet tgħid lill-Ministru Owen Bonnici li jafhom sew lill-ġurnalisti tal-ONE. Ovvjament qaltlu hekk għax ma setgħetx twieġbu fuq il-mertu.
Pero dan l-uffiċjali tal-PN jistgħu jagħmlu dawn l-argumenti għax fil-każi kollha li semmejt is-sieħeb jew is-sieħba huma magħrufa.
Ara li kieku s-sieħba li tkun taħdem ma’ xi politiku tkun maħmuba lleġittima, ftit li xejn isir l-argument fil-pubbliku. Anke għaliex sal-lum għadha teżisti d-diċenza fost ħafna ġurnalisti li l-ħajjar personali tibqa’ personali. Dan anke jekk l-aħbar tant ikunu jafu biha nies li taqsam il-fliegu.
Aħna naqblu ħafna ma’ Jason Azzopardi li fl-aħħar xhur sar jitkellem ħafna dwar kemm m’għandniex immorru personali.
Sal-lum għandna nemmnu bħalu li tfesfis dwar xi jkun ġara wara l-bieb ta’ xi uffiċċju għandu jibqa’ wara l-bieb ladarba mhux ikollu impatt fuq l-aġir pubbliku ta’ dak li jkun. Iżda mbagħad hemm min jargumenta li għalkollox hemm limitu. U jaf li anke dak għandu biċċa raġun.