Waqt l-ewwel mis-serje ta’ diskussjonijiet bit-tema “Fil-Pjazza ma’ Alex” li ġiet imtella nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Frar fil-pjazza tas-Siġġiewi, il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, tkellem fuq l-importanza tal-elezzjonijiet ta’ Mejju, kemm dawk lokali kif ukoll dawk Ewropej. Huwa qal li l-elezzjonijiet Ewropej huma kruċjali għaliex fil-fehma tiegħu, il-Maltin imdejqa bl-Ewroparlamentari Nazzjonalisti li kontinwament ħadmu b’mod orkestrat u b’attakki kkordinati kontra Malta biex jaghmlu l-akbar ammont ta’ ħsara possibbli b’mod inġust.
Dr Agius Saliba saħaq li fl-isfond tal-fatt li Malta għandha biss sitt vuċijiet minn total ta’ sebgħa mija u wieħed u ħamsin Membru li jifformaw il-Parlament Ewropew, il-poplu Malti għandu jara li jeleġġi l-aktar nies responsabbli li lestu jaħdmu għall-ġid tal-pajjiz u mhux dawk li huma ffukati biss biex jattakkaw u jxekklu l-progress li jikseb il-Gvern Malti. Huwa qal li l-unika garanzija li pajjizna jista’ jkollu f’dan ir-rigward tingħatha biss mill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.
F’intervent li għamel, il-Membru Parlamentari Laburista Dr Robert Abela, qal li fil-ħidma tiegħu Agius Saliba huwa xempju ta’ kemm il-Partit Laburista mhuwiex ibbazat biss fuq suċċess ekonomiku, imma wkoll fuq il-prinċipji u l-valuri sodi. Dr Abela tenna li f’Alex jara ħames prinċipji importanti li jiddistingwuh f’ħidmietu, dawk tal-mobbilita’ soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, l-għaqda u fuq kollox prinċipju li ftit jissemma, dak tal-onesta’.
“Alex Agius Saliba għalija jfisser lealta’ lejn il-Partit Laburista, kapaċita’ politika, imħabba lejn Malta, u persuna umana … Alex ma ġiex il-bierah fil-Partit Laburista. Alex kien dejjem hemm anke fl-aktar zminijiet diffiċli.” Qal dan is-sur Emmanuel Cuschieri waqt intervent li għamel fejn saħaq li Agius Saliba, meta ġie fdat bil-missjoni li l-Partit Laburista jerġa’ jersaq lejn il-ġenerazzjoni zagħzugħa, flimkien ma’ sħabu ħadem b’determinazzjoni kbira u ta r-rizultati. Fost diversi kelliema oħra li għamlu l-intervent tagħhom waqt din l-attivita’ politika kien hemm kandidati għall-elezzjonijiet lokali fis-Siġġiewi, f’Ħal Qormi, f’Ħal Luqa u fir-Rabat, u kif ukoll kollega mill-ħajja professjonali ta’ Dr Agius Saliba, li lkoll kemm huma kellhom kliem ta’ tifħir u rreferew b’mod partikolari għad-determinazzjoni u l-kwalitajiet pozittivi tiegħu.
B’reazzjoni għal mistoqsijiet u kummenti kemm mill-prezentatur Karl Stagno Navarra u kif ukoll minn dawk li ntervjenew, Dr Agius Saliba għamel referenza diretta għas-settur tal-biedja, fejn tkellem fuq l-importanza li pajjizna jiġġieled aktar it-tendenza tal-one size fits all li għandha l-Unjoni Ewropea. Huwa saħaq li b’dan l-atteġġjament il-bdiewa u r-raħħala Maltin qegħdin dejjem ikunu zvantaġjati u qatt ma jistgħu jikkwalifikaw għall-fondi. Agius Saliba tkellem ukoll fuq id-delizzji, u aċċenna b’mod partikolari għad-delizzju tal-kaċċa u l-insib, fejn qal li ċ-ċittadini Maltin m’humiex ċittadini tat-tieni klassi u dak li jingħata lill-pajjizi oħra, għandu jingħata lil Malta bid-dritt, filwaqt li qal li dejjem ser ikun vuċi għall-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin.
Finalment, Dr Agius Saliba tratta l-fenomenu tal-immigrazzjoni fejn tkellem fuq il-bzonn li l-Unjoni Ewropea tkompli taħdem biex ittejjeb ir-relazzjonijiet u zzid il-kooperazzjoni mal-Afrika. Huwa tkellem ukoll fuq il-falliment ta’ għodod legali bħar-Regolament ta’ Dublin li m’għadhomx jagħmlu sens għaz-zminijiet tal-lum u saħaq fuq il-bzonn ta’ aktar ħidma interna biex l-Unjoni Ewropea tiġġedded u tlaħħaq mar-realtajiet tal-lum biex ittaffi dan il-piz.