Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li l-akbar problema li għandu l-Partit Nazzjonalista hija dik ta’ kredibilità u din hija akbar fejn tidħol il-ġlieda kontra d-droga fil-ħabs.
Huwa kien qed jirreaġixxi għal diskors li għamel id-deputat kap tal-partit, Beppe Fenech Adami li fih m’għamilx proposta waħda dwar il-forzi dixxiplinati Maltin. Il-Ministru qal li fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra l-klieb li kien hemm il-ħabs biex jaraw li ma tidħolx droga spiċċaw pets tal-ħabsin.
Il-Ministru qal li l-faċilità korrettiva ta’ Kordin għandha tikontribwixxi biex dawk fiha jiġu rijabilitati u meta joħorġu jikkontribwixx lis-soċjetà. Il-gvern huewa kommess li jkompli jtejjeb l-istruttura tal-faċilità b’investiment, management u amministrazzjoni.
Fenech Adami ikkritika l-gvern għax ma semmiex l-armata, il-protezzjoni ċivili u l-pulizija fid-diskors tal-budget iżda l-Ministru Abela qallu li l-budget mhux id-diskors iżda l-flus li jkunu vvutati u kif jintefqu bil-għaqal.
Huwa kkritikah ukoll għall-fatt li qal li l-kap kmandant u l-assistent tiegħu fl-armata kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija huma bl-avviż tas-sensja u malli jitla’ l-PN fil-gvern dawn itiru. Il-Ministru staqsih ukoll min kien bi ħsiebu jaħtar għax issa mhux blu trid tkun biex tilħaq fi gvern nazzjonalista iżda blu skur.
Il-Ministru qal li dalwaqt iniedi strateġija kontra l-kriminalità għax Malta kienet l-uniku pajjiż fl-UE li ma kellhiex. Din tfisser taħriġ kontinwu u l-Akkademja tal-Pulizija se tindirizza din il-problema permezz ta’ korsijiet apposta. Il-gvern l-ieħor kien ħalla l-Akkademja tgistaġna.
Huwa faħħar ix-xogħol li qed jagħmlu l-forzi ta’ Malta biex isalvaw l-immigranti mill-baħar Mediterran. Matul il-presidenza tal-UE, malta se taħdem biex toħloq proċess ta’ rilokazzjoni tal-immigranti irregolari, li fuq livell ewropew, għadha lura.