Minn gost u żvog għal parti minnha. Dan xi jfisser l-ivvjaġġar għal Gabriella Farrugia, travel blogger Maltija li xxerred l-imħabba tagħha għas-safar billi tippjanahom għal ħaddieħor u tiddokumenta l-vjaġġi personali tagħha.
Ħafna jafuha bħala l-moħħ wara d-ditta soċjali Beyond My Island, isem li tista’ tgħid twieled waqt pawża fil-ħin tax-xogħol tat-tfajla.
“U darba fost l-oħrajn kelli ħabiba u qaltli għalfejn ma nagħmilx xi ħaġa online fejn xi ħadd li jkollu bżonn xi ħaġa fuq pjan, ngħinu jien. Kont fuq break ix-xogħol, kelli erba’ ismijiet f’moħħi u staqsejt erba’ kollegi, għaqqadna Beyong My Island u telqet il-page. Bdejt b’Facebook, mbagħad żidt Instagram u m’ilux żidt YouTube.” Stqarret Farrugia.
Minn dakinhar, Gabriella, li hija wkoll infermiera, bdiet tippjana s-safriet għal ħaddieħor, mit-titjira, sar-ristoranti, sal-waqfiet tat-trasport pubbliku. Dan apparti li tiddokumenta f’ritratti, stejjer, u filmati l-vjaġġi personali tagħha madwar id-dinja.
Iż-żagħżugħa qaltilna li dan kollu bidel xi ftit jew wisq il-perspettiva tagħha dwar is-safar.
Kompliet billi qalet,“Tieħu ideat differenti, nitgħallem minn ħaddieħor għax hawn min hu aħjar minni u ilu f’din l-affari aktar minni. Anke tibdel l-opinjoni tiegħek maż-żmien ukoll.”
Spjegat ukoll li filwaqt li huwa minnu li llum ħafna qed ifittxu destinazzjonijiet ‘il barra mill-Ewropa, bħal pajjiżi Ażjatiċi jew l-Amerika, l-affaxxinu tal-Maltin mal-Ewropa u dak kollu li toffri ma jmut qatt.
Saħqet, “L-Ewropa għandha ħafna x’toffri, kemm bħala postijiet, ikel u attrazzjonijiet differenti u dak li jkun għadu ma ddejjaqx idur l-Ewropa. Għadha popolari ħafna.”
L-ippjanar sew ta’ safra huwa investiment fih innifsu, tant li Gabriella stess qalet li safra qasira tieħu mal-24 siegħa biex tippjanaha.
Ma’ ONE News it-tfajla qalet li minkejja kollox, l-ivvjaġġar u l-ippjanar tiegħu huwa passatemp u mhux xi ħaġa li tfittex biex tagħmel il-qliegħ minnu.
Temmet tgħid, “Mhux kollox huwa bbażat fuq il-flus. Naħseb din hija xi ħaġa importanti aktar milli naħsbu. Li nieħu lura like jew share hu biżżejjed, u li ħaddieħor li ma jafx bija u jsir jaf għax għandu bżonn isiefer waħdu, jien għalija biżżejjed.”