Fl-aħħar sigħat il-fotografu bravu Reuben Piscopo ltaqa’ ma’ esperjenza li ħallietu jirrifletti sew dwar il-ħajja. Iltaqgħa ma’ raġel li tilef l-ommu u l-missieru u li ftit baqa’ jara skop għal ħajtu. Lil Reuben staqsejnih ftit mistoqsijiet.
Reuben, x’ġara eżatt x’ħin l-Erbgħa kont sejjer lura d-dar?
Jien u miexi lura d-dar, nara raġel mindud fuq il-bankina b’wiċċu ’l isfel. Mill-ewwel waqaft biex nara kif nista’ ngħinu. Dan bażikament tant kemm kien xurban li lanqas kellu saħħa jitkellem. Bl-għajnuna ta’ persuna oħra, irnexxielna nġibuh speċi ta’ bilqiegħda. Ċempilna ambulanza u spiċċajt waħdi miegħu. In-nies l-oħra kollha telqu imma jien bżajt inħallih waħdu fl-istat li kien u fi triq traffikuża.
Sakemm ġiet l-ambulanza, x’għamilt?
Ippruvajt insir naf kemm nista’ lill-istess raġel. Huwa mir-Rumanija u bħala impjieg ipoġġi l-madum. Qalli li ftit taż-żmien ilu qatlulu lill-ommu filwaqt li missieru miet f’inċident fuq xmara. Kien wasal fil-punt li ried joqtol lilu nnifsu. Pruvajt inżommu pożittiv, u minkejja li ma kienx f’siktu wara ħafna xorb, deher kuntent li xi ħadd baqa ħdejh.
X’inhu l-messaġġ tiegħek wara din l-esperjenza?
Kulħadd għandu l-problemi tiegħu u jkollu żminijiet koroh f’ħajtu. Iżda li jkollok lil xi ħadd jisimgħek, speċjalment meta m’għandek l-ebda qraba jew ħbieb fil-viċin, tagħmel dawn il-perjodi kemxejn iktar faċli. Ejja nagħtu ftit mill-ħin tagħna lil dawk li verament għandhom bżonnu.