Ingħatat sentenza tal-Qorti u dlonk beda d-dibattitu online u fit-toroq. Ħafna qablu li piena ta’ ħames snin priġunerija għal mara ta’ 34 sena li tajret żewġ anzjani – wieħed miet u l-oħra baqgħet diżabbli – kienet kiefra wisq. F’sekonda waħda n-numru ta’ ġudikanti f’pajjiżna żdied bil-mijiet. Kulħadd kellu ġudizzju fuq is-sentenza: xi ħaġa xi jgħid jew petizzjoni x’jiffirma.
Issa, biex inkun ċar kristall, jiena wieħed minn dawk li nemmen li b’sentenza bħal din is-soċjetà ma tieħu xejn. Li tikkastiga omm ta’ tifla ta’ tnax-il sena, li bl-ebda mod ma tista’ ssejħilha kriminal, tmur il-ħabs żgur ma tkun għamilt ebda ġid.
Però huma vojta l-kummenti u l-attakki fil-konfront tal-qrati Maltin speċjalment minn fomm min għandu injoranza tas-sistema. Espert m’iniex u qabel ktibt tkellimt ma’ min jifhem. Kien spjegat li l-Qorti kellha idejha marbuta b’liġi li kienet emendata wara l-famuż inċident ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn mietu ħames żgħażagħ.
Dakinhar donnu kulħadd qabel li jekk wieħed ikun responsabbli li jweġġa’ jew joqtol iktar minn persuna waħda bis-sewqan jaffaċċja piena aktar ħarxa. Issa, għax iċ-ċirkostanzi tal-persuna involuta fil-każ huma differenti, jidher li s-soċjetà qed tagħmel raġunament ieħor. Iżda sa fejn naf jien il-liġi lejn il-mertu taċ-ċirkostanzi fil-każ trid tħares u mhux lejn l-uċuħ.
Però niffrustra iktar ruħi meta niftakar xi nkiteb wara li l-Maġistrat Joe Mifsud ta sentenza ftit xhur ilu b’rabta ma’ każ fejn sewwieq ta’ mutur safa vittma ta’ inċident fatali f’Ħ’Attard. Hemm il-ħtija tal-inċident inqasmet. Skont l-artiklu tal-liġi li kienet qed issir l-akkuża bih fil-konfront tas-sewwieq tal-karozza li baqa’ ħaj, il-Qorti kellha għażla differenti minn bilfors ħabs effettiv. Fil-fatt il-Maġistrat ta 400 siegħa (il-massimu) ta’ xogħol fil-komunità. Dakinhar ukoll il-Qorti kienet ikkritikata u msejħa taċ-ċajt.
Mela qed naraw kif f’żewġ każi differenti b’sentenzi differenti, l-Qorti qalgħatha mill-maġġoranza tan-nies.
F’dan l-aħħar każ li għandna quddiemna nemmen li kollox iħoll u jorbot fuq x’ser jgħidu x-xhieda li se jkunu qed jitkellmu għall-ewwel darba ħames snin mill-każ. Jekk jirriżulta li l-għalliema ma kellhiex tort allura tingħata l-ħelsien u tkompli b’ħajjitha; ħajja li skont dawk li tkellmu dwarha għax jafuha hija waħda mill-aktar eżemplari.
Jekk min-naħa l-oħra tibqa’ tinstab il-ħtija, allura hawnhekk il-pajjiż irid jirrifletti sew jekk din il-liġi għandhiex tkun emendata darba għal dejjem.
Però rridu nifhmu x’qed ngħidu. Inkunu qed ngħidu li min joqtol jew iweġġa’ serjament bl-arma li jisimha karozza, mhux se jħallas piena ta’ priġunerija.
Ngħid għalija sakemm l-akkużat ma jkollux xi storja ta’ abbuż ta’ sewqan perikoluż jew abbużiv, naqbel li jsir hekk u minflok il-piena tkun xogħol fil-komunità fejn il-massimu jkun ferm iktar minn 400 siegħa.
Dan hu d-dibattitu li jrid isir bi ħsieb u b’għaqal. Il-ġudikant u l-leġislatur għandhom jibqgħu jgħarblu l-liġijiet b’mod li jagħmlu l-aktar sens għas-soċjetà. U ma jkunux influwenzati wisq mill-fatt li f’daqqa waħda kulħadd sar imħallef.
Ritratt: Wieħed mill-inċidenti li jissemma fl-artiklu, dak li ħalla sewwieq ta’ mutur mejjet.