Ilbieraħ John Cutajar invada l-internet meta filmat tiegħu idoqq ‘Walk On Water’ fuq il-pjanu infirex f’kemm ilna ngħidu. Żgur li rajt imqar share wieħed tal-filmat li fih John jimpressjona bit-talent tiegħu. Imma dan John min hu?
Huwa tifel ta’ 15-il sena mill-Mellieħa, li jattendi l-iskola Santu Wistin. Il-pjanu tagħlimulu Suor Beniamina – evidenti li qiegħda tagħmel xogħol tajjeb. “Il-passjoni tiegħi hija l-mużika” jgħidilna John. “Min dejjem kienet għal qalbi u nixtieq inkompli fuqha.”
John jaħsadna meta jgħidilna “Jien meta kont zgħir, ma kontx nitkellem.”
Filfatt beda jitkellem meta kellu tliet snin. Ommu Margaret kienet tieħdu għand speech therapist u biex jikkomunika kien juża s-smigħ. Per eżempju, biex jindika x’film jixtieq jara, kien iżomm ħalqu magħluq u jindika permezz tal-melodija…dak li bl-Ingliż jissejjaħ humming.
“U allura l-mużika qisha baqgħet fija u kuljum nikber magħha”
Għadda ż-żmien u John jitkellem bla problemi, imma jibrilla fil-mużika. Jixtieq ikompi l-istudji tiegħu fil-mużika, anke dik klassika. Għalhekk jixtieq imur jistudja barra minn Malta. Madanakollu jemmen li min ikun irid jilħaq ċertu livell fil-mużika, jista’ jirnexxielu hawn Malta wkoll.
Tlabnih parir għal min jixtieq jitgħallem il-mużika. Qal li avolja importanti li tistudja l-eżerċizzji u biċċiet klassici, tajjeb tisma’ stili differenti ta’ mużika. Importanti, jemmen John, li tieħu l-mużika bis-serjetà u li tistudja. Għaliex il-mużika, apparti li tista’ tkun forma ta’ edukazzjoni informali, isservi wkoll bħala dixxiplina, temm jgħid John.
Fl-aħħar xtaq jagħmel appell. Araw il-fimlat!
Din hi l-paġna facebook ta’ John: https://www.facebook.com/johncutajarpianist/