Jake Mallia u Nico Drescher, żewġ żgħażagħ ta’ 14-il sena, intagħżlu biex jirrapreżentaw lil pajjiżna fil-kampjonat Ewropew tal-Ibburdjar fl-Islovenja.
Iż-żewġ żgħażagħ ġejjin minn Birżebbuġa Sailing Club u Malta Young Sailors Club, ilhom mindu kellhom biss 10 snin jipparteċipaw f’diversi avvenimenti lokali u internazzjonali.
Fl-ewwel jum tal-kompetizzjoni, dan l-istazzjon tkellem ma’ Jake.
Mallia qal, “Matul is-sena jkollna numru ta’ tlielaq aħna r-regatta, ngħidulhom ranking u minn dawn imbagħad skond kif tispiċċa jintagħżlu l-aħjar. U minn dawk il-ħamsa kemm ikun hemm jidħol fit-tim nazzjonali u mbagħad ikun hemm għażla sabiex jitilgħu.”
Il-kampjonat kien ppjanat li jsir fl-Estonja f’Ġunju li għadda u ġie pospost minħabba l-COVID-19.
Jake stqarr magħna li din kienet il-ħolma tiegħu.
Mallia kompla jgħid, “Mindu kont vera żgħir dejjem kont noħlom, nara l-kbar isiefru mat-tim nazzjonali u vera ferħan li għandi din l-opportunità u qed nagħmel minn kollox biex immorru tajjeb flimkien bħala tim.”
Il-kowċ tagħhom Ivan Vasilev li ilu jħarreġ diversi żgħażagħ għal dawn l-aħħar 10 snin, spjega kif dan il-kampjonat huwa kruċjali għal Nico u Jake hekk kif ser iwitti t-triq għall-karriera sportiva tagħhom.
“For them this is the most important event in Optimism in their career and I think they are good enough and have a lot of experience because they had a lot of competitions before that and they work very hard.” Qal Vasilev.
Il-kampjonat għandu għaddej ġimgħa u jilħaq il-qofol tiegħu nhar il-Ħadd 25 ta’ Ottubru.