Heritage Malta se torganizza taħdita sabiex tesplora numru ta’ xbiehat u ritratti li jiġbru fihom dawn il-messaġġi u tifsiriet assoċjati mal-ikel fil-karrijiet tal-karnival.
Storiċi u studjużi tal-kultura ta’ spiss josservaw li minbarra li joffri spettaklu u divertiment, il-karnival iġorr ħafna tifsiriet simboliċi li joffru tagħrif importanti dwar il-kuxjenza popolari. Manifestazzjonijiet bħall-karnival jistgħu jsaħħu u jfaħħru l-pożizzjoni u d-deċiżjonijiet tal-awtorità, jew jikkritikaw u jdgħajfu l-poteri tagħha skont iċ-ċirkostanzi.
Fil-qalba tal-karnival dejjem jispikka l-ispirtu eċċessiv tad-divertiment ta’ kull tip. Wara kollox fil-karnival ‘kollox jgħaddi’. L-ikel u x-xorb ukoll ikun bl-abbundanza u bla kontroll u jifforma parti integrali mill-ħajja u mill-ġlieda kulturali u reliġjuża bejn il-karnival u r-Randan. Per eżempju l-kukkanja u l-prinjolata huma żewġ tradizzjonijiet marbuta mal-karnival li b’xi mod ipattu għaċ-ċaħda u l-penitenza tar-Randan.
Madankollu, l-ikel fil-Karnival ħa tifsira soċjali u kulturali differenti meta dan beda jintuża bħala tema fil-karrijiet tal-karnival. Għalkemm ftit li xejn studjat, l-użu tal-ikel fit-temi karnivaleski jqajjem mistoqsijiet li kapaċi joffru tagħrif mill-aktar interessanti dwar l-identitá kulturali Maltija.
Id-diskussjoni se tiffoka mal-fatt li l-Karnival ħafna drabi offra kuntest laxk iżda ideali li fih jintużaw simboli u rappreżentazzjonijiet li jintbagħtu messaġġi, lil’hinn mill-Karnival, b’mod aktar b’saħħtu mill-metodi konvenzjonali. F’diversi okkażjonijiet il-Karnival offra opportunità biex jitressqu ideat ġodda jew alternattivi, jew jikkumentaw dwar suġġetti ikkunsidrati bħala tabù.
Wieħed jistaqsi x’kienu l-fatturi li ispiraw lill-artisti biex jużaw l-ikel bħala t-tema ta’ karru lejn l-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin? L-ikel u x-xorb kif jistgħu jirriflettu l-kultura ta’ dawn iż-żminijiet? Jistgħu dawn ir-ritratti, mhux daqstant ikkunsidrati, jiġu meqjusa bħala sorsi rilevanti għall-istudju tal-kultura tal-ikel f’pajjiżna?
It-taħdita dwar l-ikel, ix-xorb u l-karrijiet tal-karnival se ssir bl-Ingliż minn Dr Noel Buttigieg, u se ssir fil-Palazz tal-Inkwiżitur u Mużew Nazzjonali tal-Etnografija fil-Birgu, nhar il-Ħamis 23 ta’ Frar 2017. L-attivitá tibda fis-7.00pm u d-dħul huwa b’xejn. Dawk interessati huma mitluba jċemplu fuq 21827006 sabiex jirriservaw post jew sabiex jistaqsu għal aktar tagħrif.