Minn kemm ilha li bdiet topera l-iskwadra speċjalizzata tal-Pulizija ta’ kontra l-vjolenza domestika, minn Ottubru tal-elfejn u għoxrin, saru aktar minn ħamest elef rapport, sa tmiem Settembru li għadda.
Fl-istess perjodu nħarġu aktar minn għaxart elef u seba’ mitt akkuża.
Dawn iċ-ċifri tahomlna l-Ispettur Omar Zammit, li f’intervista ma’ ONE News, spjegalna kif iċ-ċifri juru li ma’ kull sena li tgħaddi, qed jiżdiedu n-nies li jersqu ’l quddiem u jirrappurtaw.
Fl-ewwel sena sħiħa ta’ operat ta’ din l-iskwadra, saru aktar minn elf u ħames mitt rapport.
Is-sena l-oħra, saru aktar minn elf u seba’ mitt rapport, u din is-sena sa Settembru, daħlu aktar minn elf u erba’ mitt rapport – li jfisser li x’aktarx, ħa terġa’ tinqabeż iċ-ċifra tar-rapporti li daħlu fl-aħħar snin.
B’rabta ma’ dawn ir-rapporti, fl-elfejn u wieħed u għoxrin ħarġu kważi tlett elef akkuża, is-sena l-oħra nħarġu aktar minn erbat elef u mitejn, filwaqt li din is-sena sa issa ħarġu aktar minn elfejn u seba’ mija.
Qal, “Illum in-nies jafu x’jistgħu jagħmlu, hawn ħafna edukazzjoni, fejn jgħallmu lin-nies li isma’, l-abbuż tal-vjolenza domestika huwa ħażin u hawn l-għajnuna x’wieħed jista’ jieħu u ħafna nies jagħmlu iktar kuraġġ biex jiġu jirrappurtaw.”
Mhux darba jew tnejn, li vittmi ta’ vjolenza domestika jagħżlu li jwaqqfu l-proċeduri meta jirrealizzaw li jkunu jridu jirfsu l-għatba tal-Qorti.
Sa dan ix-xahar stess, mara waqqfet il-proċeduri kontra żewġha li heddidha b’sikkina m’għonqha, għax ma riditux imur il-ħabs.
L-Ispettur spjegalna li l-liġi tobbliga lill-Pulizija li meta jidħol rapport ta’ vjolenza domestika, jekk ikun hemm il-provi, il-każ imur il-Qorti.
Bl-istess mod, il-liġi tagħti s-setgħa lil min jagħmel ir-rapport biex jitlob lill-Maġistrat iwaqqaf il-proċeduri.
L-Ispettur tana eżempju ta’ koppja li tispiċċa l-Qorti fuq argument vjolenti, imma mbagħad jiddispjaċiha ta’ li jkun sar u twaqqaf il-proċeduri.
Dan ma jsirx f’każijiet ta’ koppji biss, iżda anki per eżempju ġenituri li jkollhom lil uliedhom jabbużawhom għall-flus biex isostnu l-vizzji.
Qal, “Wara ftit żmien il-ġenituri jagħmlu l-kuraġġ – u sewwa jagħmlu hekk għandu jsir – li jirrapportaw, imma l-ġenituri dejjem jibqgħu ġenituri, u maż-żmien qishom jitħassru lit-tfal tagħhom u jiddeċiedu li jwaqqfu l-proċeduri.”
Għalkemm jifhem dawn ir-realtajiet, l-Ispettur saħaq li meta jieqfu l-proċeduri, il-Qorti jitneħħewlha s-setgħat li tieħu azzjoni.
Qal, “Per eżempju, kien hemm każ fejn waqt il-proċeduri kien hemm ordni ta’ protezzjoni, imma mbagħad il-vittma ddeċidiet li twaqqaf il-proċeduri. Ovvjament l-ordni ta’ protezzjoni ħa tieqaf.”
L-Ispettur saħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-suġġett, saħansitra minn età żgħira biex anki t-tfal ikunu konxji tar-realtajiet li jeżistu madwarhom.
Huwa appella biex min għaddej minn xi sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika jfittex l-għajnuna.
Qal, “Teżisti wkoll għajnuna għal min iwettaq il-vjolenza domestika – ovvjament, biex tieħu l-għajnuna, l-ewwel trid tammetti li hemm problema. Jekk xi ħadd ikun jaf li hemm xi problema u jfittex l-għajnuna, illum il-ġurnata, ħa jsibha.”