Is-servizz tal-IVF li jingħata f’pajjiżna huwa fost l-aqwa mill-pajjiżi Ewropej, hekk kif dan ingħata punteġġ ta’ wieħed u sebgħin fil-mija minn stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan l-aħbar intlaqgħet tajjeb mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, Simone Attard, li spjegat ma’ dan l-istazzjon kif dan ir-riżultat jiġi kkalkulat abbażi ta diversi kriterji.
Fosthom, Malta ingħatat punti għall-aċċessibilità tal-IVF, hekk kif f’pajjiżna koppji tal-istess sess jistgħu jagħmlu użu wkoll minn dan is-servizz. Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li l-Gvern jagħti appoġġ finanzjarju qawwi lill-persuni li jagħmlu użu mill-IVF.
Attard sostniet li dan ir-riżultat huwa pożittiv ferm meta wieħed jinnota li Malta ġiet klassifikata ma’ pajjiżi li ilhom joffru dan is-servizz għal deċċenji sħaħ.
Minkejja dan, hija spjegat li kieku dan l-istħarriġ jerġa’ jsir, Malta tikklassifika f’pożizzjoni ogħla, hekk kif qed tiġi nnutata żieda fir-rata ta’ suċċess għan-nisa li jagħmlu użu mill-IVF.
Attard spjegat, “Is-sena l-oħra kellna suċċess ta’ tlettax fil-mija, din is-sena għandna żieda ta’ kważi erbatax fil-mija, u allura se jkollna suċċess ta’ sebgħa u għoxrin fil-mija.”
Intant, ONE News tkellem ukoll ma’ Joanne Mizzi, mara li permezz tal-IVF saret omm.
Hija qalet lil dan l-istazzjon kif qabel għamlet użu mill-IVF, kienet tħares lejn it-trabi b’mod differenti, għaliex għaliha kienu tifkira ta’ xi ħaġa nieqsa f’ħajjitha.
Joanne Mizzi stqarret, “Tgħid mhux fair li huma għandhom daqshekk tfal u jien lanqas wieħed u issa qed nikber, tibda tgħid issa meta jmissni jiena, tħossha tweġġa’. Anke tara l-ħaddieħor jew ikellmek fuq it-tfal tagħhom tweġġa’.”
Hija rrikonoxxiet l-għajnuna finanzjarja li rċeviet mill-Gvern snin ilu permezz ta’ servizzi bla ħlas tul il-proċess tal-IVF. Qalet li issa permezz tal-mediċini b’xejn li ser ikunu offruti tul il-proċess aktar nisa bħalha issa se jkunu jistgħu jkollhom il-familja li dejjem xtaqu.
Illum, Joanne hija kuntenta ferm bil-familja tagħha, u meta tħares lura lejn il-proċess li għaddiet minnu, tgħid li dan kollu sarraf fil-ferħ li tħoss kull darba li tixħet għajnejha fuq binha.
Mizzi qalet, “Jgħajjini għax tiegħi fuq tiegħu, imma worth it ħafna. Ovjament aħna kellna naslu s’hemm u kienet worth it biex nagħmluha.”