Gvern Nazzjonalista kellu aġir infantili billi ma riedx iżomm kelmtu fuq inċentiv ta’ darba mal-produtturi tal-film ta’ Holywood Troy, li l-attur prinċipali fih kien iċ-ċelebri Brad Pitt.
Espona dan kollu, Malcolm Scerri Ferrante, produttur fl-industrija tal-films għal aktar minn tletin sena.
F’artiklu f’The Times li fih mal-ewwel għamilha ċara li mhux qiegħed hawn biex jiddefendi xi partit politiku, Scerri Ferrante nnota l-istat t’abbandun u ħażin li kienet tħalliet l-industrija tal-films taħt Gvern Nazzjonalista, industrija, li s-sena l-oħra ħalliet €85 miljun fl-ekonomija Maltija.
Scerri Ferrante kiteb li dak iż-żmien, fl-assenza ta’ inċentivi fiskali biex jiġu attirati produzzjonijiet ta’ films ħalli jinġibdu f’pajjiżna, għal darba kien ingħata inċentiv lill-produtturi ta’ Hollywood fuq il-film Troy.
Dak iż-żmien, Gvern Nazzjonalista kien wiegħed li jirrifondi l-flus fuq pagi ta’ ħaddiema Maltin f’din il-produzzjoni, iżda mbagħad reġa’ darlu u ma riedx jonora l-wegħda tiegħu.
Is-sitwazzjoni tant eskalat li l-Ministru tal-Finanzi ma riedx iħallas, imbagħad kellhom isiru interventi diretti minn Kastilja.
Fl-artiklu fit-Times ġew innotati każijiet oħrajn fejn, fost l-oħrajn, intilef spazju għall-produzzjonijiet tal-films minħabba l-aġir arroganti ta’ Gvern Nazzjonalista li ma kellu l-ebda interess lejn l-industrija tal-films.
Apparti dan, il-kritiku tal-films Mario Azzopardi nnota fuq Facebook li dak li sar il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri l-Mediterrane Film Festival, kien l-inqas li seta’ jsir biex pajjiżna jiġbed l-attenzjoni tal-atturi ta’ fama medja u ġurnalisti influwenti, f’suq kompetittiv ferm.
Żied jgħid dwar il-ħolqien tax-xogħol u opportunitajiet kbar meta jiġu jinġibdu l-films f’pajjiżna u bihom il-Maltin jiksbu esperjenza li tgħinhom meta jaħdmu fuq produzzjonijiet Maltin biex il-livell ikompli jogħla.
Sadanittant, fl-artiklu f’The Times ukoll saru referenzi għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Films taħt Gvern Nazzjonalista li kien inkompetenti, iżda l-amministrazzjoni ma riditx taf u baqgħet tiddefendih anke kellu sitwazzjonijiet imbarazzanti ma’ nies barranin involuti fl-industrija.
“Mhux se ngħid li Gvernijiet Laburisti m’għamlux żbalji, iżda din l-amministrazzjoni hi aktar pro-attiva fl-industrija tal-films u sar progress meta mqabbel ma’ qabel,” irrimarka Malcolm Scerri Ferrante, li saħaq li l-industrija tkun waħda b’saħħitha meta jkollha infrastruttura tajba għall-films u ammont sod ta’ ħaddiema lokali.
Is-sena l-oħra din l-industrija rat 24 produzzjoni jinħadmu hawnhekk b’għadd ta’ ħaddiema differenti, minn mastrudaxxi għal ħajjata, għal atturi u persuni fit-tim tal-produzzjoni, fost oħrajn, ikollhom xogħol kontinwu fil-films.