“Meta għola l-prezz taż-żejt, għolew il-kontijiet tal-enerġija.” Irrepeta dan l-eks Chairman tal-Enemalta, Alex Tranter, waqt ix-xhieda tiegħu fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament, b’rabta mar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Electrogas, meta mistoqsi minn diversi deputati tal-Gvern.
“Tela’ l-prezz taż-żejt, telgħu l-kontijiet. Ir-relazzjoni dik kienet. Tela’ l-prezz taż-żejt, telgħu l-kontijiet.”
Tranter okkupa din il-pożizzjoni bejn l-2005 u l-2010, inkluż fiż-żmien li kienu għaddejjin diversi laqgħat għall-akkwist tal-power station tal-BWSC, li kienet titħaddem bil-Heavy Fuel Oil.
Laqgħat li, għal xi raġuni, qatt ma ttieħdu minuti tagħhom, xi ħaġa li Tranter iddefendiha billi qal li dawn ma jfissrux li huma xi garanzija ta’ trasparenza.
“Naħseb il-muniti ma kinux garanzija ta’ trasparenza.”
Tranter ukoll kien ippresieda fuq iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, li wasslu għall-agħar kontijiet fuq il-familji u n-negozji taħt il-PN, fi żmien meta l-pajjiż kien mifni bi djun kbar.
Kien Gvern Laburista li, fl-2013, biddel is-sistema tal-enerġija f’pajjiżna minn waħda mħaddma bil-Heavy Fuel Oil għal waħda ferm aktar nadifa, li titħaddem bil-gass u li wasslet għal traħħis tal-kontijiet b’ħamsa u għoxrin fil-mija. Dan iffranka lill-poplu mat-tmenin miljun ewro kull sena sa mill-2014.
Tranter, iżda, stqarr li, fi żmienu, il-piż kellu jintrefa’ jew mill-Gvern jew mill-Enemalta jew min-nies – proprju kif ġara.
Alex Tranter: “Xi ħadd irid jiffaċċjaha. Xi ħadd irid iħallas. Jew se jħallas il-Gvern jew se tħallas l-Enemalta”.
Glenn Bedingfield: “Jew in-nies”.
Alex Tranter: “Jew in-nies.”