“L-għoti tad-demm importanti … kif ġejt bżonnu jien tista tiġi bżonnu int! Agħti d-demm!”.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kuntistabbli Simon Schembri meta żar il-bank tad-demm. Schembri kellu bżonn ammont ta’ demm meta kien qed jissielet għal ħajtu fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar f’Mejju li għadda. Dan wara li spiċċa mkaxkar mal-400 metru f’Ħal Luqa waqt li kien qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu ta’ Uffiċjal tal-Pulizija.
“Jien naf li meta ġejt bżonn sibt, u nħeggeg in-nies biex jiġu jagħtu d-demm mhux f’dawn il-festi biss iżda s-sena kollha, għax illum jien u għada tista tkun int,” qal Schembri.
Ġeneralment il-maġġoranza tad-demm li jinġabar jingħata lil dawk li għandhom il-marda tal-kanċer. Madankollu anke l-vittmi tal-inċidenti jieħdu ammont kbir mill-ħażna. Schembri jgħid li d-demm li hu kellu bżonn kien kruċjali għalih.
“Importanti ħafna għal raġuni li jien għadni ħaj għax jien naf li meta jkollok ċertu nċidenti gravi u d-demm hu l-enerġija u s-saħħa tal-bniedem”
Minkejja li xtaq u mar bil-għan li hu stess jagħti d-demm lejliet il-Milied, Schembri ma setax jagħmel dan minħabba li għadu taħt trattament mediku qawwi wara l-ġrieħi li ġarrab. Huwa beħsiebu jagħmel dan ladarba jkun b’saħħtu.
“Iva d-dispjaċir tiegħi għax jien ġejt biex nagħti d-demm imma peress li għadni għaddej b’ħafna pilloli ħabba l-affarijiet li għandi ma stajtx nagħti d-demm”
Madankollu l-uffiċjali tal-Fondazzjoni ‘Simon Schembri Blue Light’ li waqqaf Schembri stess wara l-attentat fuq ħajtu taw id-demm f’ismu.