Antonio Flores huwa żagħżugħ ta’ 27 sena li għandu ferm għal qalbu l-isport, b’mod partikolari l-atletika. Huwa kkompeta f’diversi kompetizzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Huwa rrappreżenta lil pajjiżna fiċ-Ċina meta kellu biss 18-il sena.
Minkejja kollox huwa twieled bil-kundizzjoni tat-‘Talipes Equinovarus’, magħrufa aħjar bħala ‘Club Foot’ f’siequ l-leminija. Sa minn meta kien għadu tifel għamel diversi operazzjonijiet bit-tama li jirranġa s-sitwazzjoni fiżika tiegħu. Iżda l-operazzjonijiet ħolqu iżjed problemi għaliex ħafna mill-ġogi bbiesu mhux ħażin.
Il-kundizzjoni tiegħu minn dejjem kienet parti minn ħajtu hekk kif għamel żewġ operazzjonijiet waħda meta kellu ftit xhur u darb’oħra meta għalaq sitt snin.
Madankollu fl-età ta’ 14-il sena ġrat xi ħaġa mhux mistennija iżda pożittiva fil-ħajja ta’ Antonio.
Huwa kkompeta f’tellieqa tal-klassi u rnexxielu jiġi fit-tielet post. Huwa bħal qisu skanta li rnexxielu jagħmel dan.
Dan l-episodju xpruna lil dan iż-żagħżugħ sabiex jibda jieħu l-atletika aktar bis-serjetà.
Erba’ snin wara, fl-età ta’ 18-il sena, Antonio Flores irrappreżenta lil Malta fil-logħob Paraolimpiku li sar fl-2008 f’Beijing. Din kienet l-ewwel darba f’24 sena illi Malta ħadet sehem f’dan il-logħob. Din kienet ukoll aħbar ġdida għal pajjiżna tant li Antonio ssemma ħafna waqt dan il-logħob.
Qabel din l-esperjenza, Antonio jgħid illi qatt ma kien sema’ b’dawn it-tip ta’ logħob u wara li rnexxielu jirbaħ il-klassifikazzjoni tiegħu f’Manchester sab ruħu jikkompeti fiċ-Ċina.
L-isbaħ esperjenza tiegħu kien meta proprju tellaq mal-atleta tant famuż Oscar Pistorius fejn Antonio ddeskriviha bħala xi ħaġa unika f’ħajtu.
Madankollu ftit tas-snin wara, Antonio reġa’ beda jħoss xi uġigħ tant illi t-tobba qalulu li ftit setgħu jagħmlu tant li kellu jabbanduna l-atletika.
Huwa rrifjuta li jaqta’ qalbu tant illi beda jfittex li jipprattika sport ieħor bħal powerlifting. B’xi mod irnexxielu għalkemm it-triq kienet diffiċli.
L-uġigħ reġa’ żdied u kien hemm mumenti fejn saħansitra ma setax jimxi u wara li ddiskuta l-każ tiegħu ma’ xi tobba huma waslu għall-konklużjoni li hemm żewġ soluzzjonijiet possibbli; jew issirlu amputazzjoni jew inkella jgħaqqdulu l-joints.
Huwa ddeċieda għall-ewwel soluzzjoni. Kienu ġimgħat diffiċli oħra għal Antonio illi kellu jgħaddi minn operazzjoni sabiex issirlu l-amputazzjoni.
Fl-istess ħin minn riċerka li għamel sar jaf b’legbrace li setgħet issir minn kumpanija speċjalizzata fis-saqajn artifiċjali. Din kellha tkun is-soluzzjoni sabiex jerġa’ jibda jiġri.
Wara din l-operazzjoni Antonio bħal qisu kellu jerġa’ jibda jidhra metodu ġdid ta’ kif jibda jiġri bil-legbrace l-ġdida. Minkejja dan kollu huwa reġa’ sab problemi waqt il-mixi.
Id-determinazzjoni tiegħu m’għandhiex tmiem u ħabta u sabta ddeċieda li jibda kors l-Università ta’ Malta sabiex isir podjatra.
L-għażla kienet waħda faċli għal Flores minħabba li hu ried jgħix ħajja attiva b’sieq artifiċjali u mhux joqgħod f’siġġu tar-roti.
Ftit tal-ġranet ilu saritlu din l-operazzjoni u apparti minn hekk ser jiggradwa bħala persuna b’sieq amputata.
Il-ħolma finali ta’ Antonio hu li jfieq b’mod sħiħ u jerġa jibda jitħarreġ fl-atletika.
Iddeskrivi l-ewwel passi tiegħek fl-atletika.
Kollox beda meta kelli 14-il sena u ħadt sehem f’tellieqa mat-tfal tal-klassi. Minkejja l-problema li kelli f’sieqi, irnexxieli niġi fir-raba’ post u vera kont ferħan se ntir b’dak li rnexxieli nagħmel. Wara dan kollu nibtet imħabba ġdida fija billi bdejt nipprattika l-atletika.
Il-problema ta’ sieqek twelidt biha jew żviluppat matul is-snin?
Din il-problema twelidt biha u xi kultant operazzjoni tirnexxi u xi kultant le. Fl-istess ħin joħorġu ċerti problemi u għalhekk trid tieħu ħsieb sieqek mill-aħjar li tista’ permezz ta’ mistrieħ u anke fiżjoterapija.
Naf illi fil-jiem li għaddew kellek tagħmel l-amputazzjoni. Kif mort f’din l-operazzjoni?
Iva hekk hu, għamilt l-amputazzjoni f’saqajja l-leminija. Tibqa’ x-xewqa tiegħi illi nerġa’ nibda niġri u għalhekk għamilt dan kollu.
M’hemmx dubju illi issa rrid nieħu kollox pass pass sabiex nerġa’ nibda mill-ġdid imma m’għandix qalbi maqtugħa.
Kif tħossok psikoloġikament li jkollok tgħix b’din il-problema?
Ifhem ġieli jkolli mumenti fejn noqgħod naħseb dwar din il-problema iżda jien tgħallimt naċċetta din is-sitwazzjoni. Jien naraha illi għalxejn tkun irrabjat u huwa għalhekk illi qed nikkumbatti kuljum mal-ħajja filwaqt illi nżomm ruħi pożittiv minkejja kollox.
Int kellek ix-xorti tieħu sehem fil-logħob Paraolimpiku ta’ Beijing. Kellimni dwar din l-esperjenza.
Kienet esperjenza unika f’ħajti ngħidlek il-verità. Ħadt sehem fit-tellieqa tal-100 metru u għamilt ħin ta’ 12.71 sekondi. Dan il-ħin kien ferm viċin tal-personal best. Anke jien kont sodisfatt b’dak li ksibt f’din it-tellieqa.
Mument illi nibqa’ niftakar f’din l-istess okkażjoni kienet metatellaqt mal-famuż Oscar Pistorius u kien eżatt fil-lane ta’ maġenbi. Dakinhar huwa rebaħ din it-tellieqa bla problemi.
Semmejna lil Pistorius. Dan għandu blade f’saqajh illi tgħinu fil-ġiri. Int ser ikollok waħda bħalha wkoll?
Iva, hekk hu fil-fatt. Wara kollox għalhekk għamilt din l-operazzjoni sabiex nerġa’ nibda niġri. Il-proċess mhux ser ikun wieħed faċli għax hemm riabilitazzjoni sħiħa involuta, imma jien mhux ser naqta’ qalbi.
Hemm min jgħid illi r-runningblade tagħti vantaġġ fuq atleti oħra. Xi tgħidli dwar dan?
Ifhemir-running blade fiha kemm il-vantaġġi kif ukoll l-iżvantaġġi tagħha. Fil-fatt għalkemm hi tkun qed tgħinek mod, fl-istess ħin tkun qed ittellfek mod ieħor. Pereżempju trid toqgħod attent għall-bilanċ u trid tidhra sabiex iżżomm sew fuq saqajk.
X’qed tagħmel bħalissa f’ħajtek?
Riċentement għadni kemm gradwajt bħala podjatra. Iddeċidejt illi nibda nistudja dan il-kors fl-Università għax jien stess ridt infittex soluzzjonijiet kirurġiċi u fl-istess ħin nispeċjalizza f’dan il-qasam.
Kif jirnexxilek tgħix il-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
Ifhem jien kif għedt aktar qabel, inħobb ħafna naħseb fil-pożittiv. Jien nipprova nagħmel kollox madankollu ċerti attivitajiet li jinvolvu ħafna sigħat bilwieqfa jkolli nevitahom. Meta nkun f’xi okkażjoni bħal tiġijiet u avvenimenti oħra, narali jkun hemm siġġu fejn inpoġġi għax wara 15-il minuta saqajja jibdew jgħajjew. Anke ċerti bajjiet illi għandhom ramel fin u li huwa diffiċli timxi fuqu nipprova nevitahom ħalli ma nagħmilx dannu għal sieqi.
Minkejja kollox qatt ma ngħix ħajja limitata u dejjem nipprova nagħmel dak kollu li nista’ sabiex ngħix ħajja komda.
X’determinazzjoni turi sabiex tkompli tissielet mal-ħajja?
Jien nemmen illi jkollok xi jkollok għandek tipprova tilħaq il-potenzjal u għalhekk bħala persuna trid tiġġieled pass iktar sabiex tilħqu. B’hekk biss tista’ tilħaq il-potenzjal veru.
Meta t-tobba tawk l-aħbar illi trid tagħmel amputazzjoni kif ħadtha?
Ifhem la din l-amputazzjoni kienet ser isservi ta’ ġid ma tantx ħadtha daqshekk bi kbira. Aktar minn hekk kont jien stess illi saqsejt lit-tobba għal xi opinjonijiet x’nista’ nagħmel sabiex is-sitwazzjoni tiegħi tkun aħjar. Ridt illi l-affarijiet imorru dejjem aktar ’il quddiem. Meta qaluli li affarijiet oħra ma setgħux isiru ħlief amputazzjoni aċċettajt dan kollu basta naf li kienet ser tkun għall-ġid tiegħi.
Naf illi wara kollox din l-operazzjoni ser nibbenefika minnha aktar ’il quddiem, għalkemm kollox jieħu ż-żmien tiegħu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika u kif tarak 10 snin oħra?
Jien qed inħares b’mod pożittiv lejn ħajti minkejja kull diffikultà li nista’ niltaqa’ magħha. L-objettiv tiegħi huwa li nerġa’ nibda nitħarreġ u nikkompeti fl-atletika. Imbagħad sa 10 snin oħra inkun ilħaqt ikkompetejt f’xi logħob Paraolimpiku filwaqt illi nibda naħdem full-time bħala podjatra. Għandi f’moħħi wkoll illi niżżewweġ.
Issib għajnuna mingħand SportMalta?
Iva jkolli ħafna sapport mingħand SportMalta u għalkemm għadhom daqsxejn ġodda bħala assoċjazzjonijiet huma dejjem jgħinu kemm jistgħu. Li naħseb hemm bżonn huwa li titqajjem kuxjenza fuq din il-kundizzjoni.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li għandhom diżabilità sabiex ma jaqtgħux qalbhom.
Jien nemmen ħafna fl-isport għal kulħadd, speċjalment l-atletika. M’hemmx għalfejn tkun l-aħjar biex tipprattikah. Dawk li għandhom xi diżabilità m’għandhomx jaqtgħu qalbhom. Importanti li dejjem jikkonsultaw ma’ xi tobba jew speċjalista qabel jaqbdu jipprattikaw, però qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom.