Annabelle Xerri, mara ta’ tnejn u tletin sena, li fost l-ikbar tħassib tagħha meta kienet se ssir omm kien hemm jekk hux se jirnexxielha tikkomunika ma’ bintha.
Xerri, illum President tal-Lingwa tas-Sinjali f’Malta, mhux l-ewwel darba tkellmet dwar l-esperjenza tagħha bid-diffikultà fis-smigħ. Iżda, din id-darba emfasizzat aspett differenti
Qalet kif “Meta kont tqila kont ninkwieta ħafna jekk hux se nikkomunika magħha, jekk hux se nifimha”
Bħalma nifirħu meta xi ċkejkejn jibda jlissen l-ewwel kelma, Annabelle kellha l-istess reazzjoni meta bintha kkomunikat magħha għall-ewwel darba bil-lingwa tas-sinjali.
Spjegat kif “L-ewwel kelma tagħha kienet papà u kienet bil-lingwa tas-sinjali, kienet għadha ma bdietx titkellem u kellha ftit xhur biss. Hemmhekk indunajt li t-tifla kienet qed tosserva kollox u bdejt ninduna li xi kultant tagħmili xi sinjal, eżempju kienet tkun qed tibki u kienet tagħmili s-sinjal għall-ħalib”.
B’hekk it-tħassib ta’ Annabelle li bintha setgħet ma kinetx qed tagħti kasha beda jmajna u ftit ftit u inbidel f’ottimiżmu.
Hi qalet li “It-tifla tiegħi qed titgħallem is-sinjali u ġieli tgħidli s-sinjal mal-kelma, allura jkun aktar faċli għalija biex nifhem dak li qed tgħid. Taf ukoll li biex tkellimni… qed tinduna li trid tiġbidli l-attenzjoni jew trid tirrepettili ħafna. Qed tinduna li lili biex tkellimni trid tkellimni b’dak il-mod mhux bħar-raġel tiegħi mal-papà tagħha, mal-papà tagħha taf li ħa jifhimha mill-ewwel”.
Bħalma għamlet dejjen Annabelle trid tuża l-esperjenza tagħha biex tqajjem kuxjenza.
Bintha tgħallmet il-lingwa li kellha bżonn ommha, iżda l-omm titkellem dwar tfal oħra li forsi jkunu huma ma jisimgħux u hemm min jifhimhom u jgħallimhom.
Qalet li “Huwa dritt uman tat-tfal deaf li jkollhom lingwa tkun xi tkun il-lingwa u meta jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali huma qed ikollhom opportunità biex jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali ukoll u jistgħu jkun bilingual u anke multilingual”.
Bħal dejjem Annabelle tinsisti li s-soċjetà trid twieġeb għall-ħtiġijiet li jkollhom persuni differenti.
Fil-każ tagħha tgħin lil ta’ madwarha jagħmlu dan permezz tal-paġna Facebook: A Silent World.
Temmet billi qalet li “Però ma nħossx li hija problema, in-nuqqas ta’ smigħ tiegħi. Jiena persuna deaf u dik hija l-identità tiegħi. Inħoss li l-problema hija fis-soċjetà meta ma jkunx hemm aċċess għal xi affarijiet”. Jien ngħix ħajja normali u ma nħossx li jien differenti minn ħaddieħor”