Persuni magħrufa, li jiktbu favur il-Partit Nazzjonalista, qed jinfexxu f’messaġġi ta’ odju fuq il-midja soċjali kontra l-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat. L-Avukat Andrew Borg Cardona ppubblika fuq il-paġna tiegħu ritratt ta’ Dr Joseph Muscat wara l-iżbarri. Dan filwaqt li l-Avukat ta’ Repubblika, Jason Azzopardi, kompla jippubblika posts li fihom jindika li jaf fid-dettall bl-eżitu tal-inkjesta miftuħa mill-istess għaqda.
Posts, li bdew preċiż fil-jum meta l-Maġistrat Gabriella Vella temmet l-inkjesta. F’dawn il-posts hu jattakka lill-Avukat Ġenerali u jirrepeti d-diskors ta’ Robert Aquilina bl-attakk fuq l-Avukat Ġenerali u qal li ġejja apokalissi u jħeġġeġ lis-segwaċi tal-paġna tiegħu biex jibdew infern fuq l-art.
Jispikkaw ukoll l-interventi tal-blogger Mark Camilleri. Camilleri, bħal Borg Cardona, jespekula li Dr Joseph Muscat dalwaqt se jispiċċa l-ħabs. Dan meta jallega li hemm sezzjoni tal-ħabs tan-nisa li qed tiġi kkonvertita għal ċella biex tilqa’ lil Dr Muscat u l-ħbieb tiegħu.
Mark Camilleri mhux darba jew tnejn inqabad jippubblika stejjer giddieba li kellu jirtirahom fi żmien li jfaħħar lil Roberta Metsola u jieħu r-ritratti magħha.
Anke fil-launch tal-kampanja ‘Għalik’ tal-Partit Nazzjonalista, l-MEP David Casa qal “Mela għadkom ma rajtu xejn minni u se nuża s-saħħa kollha tiegħi kontra tagħhom”.
Hu qal li se juża l-poter kollu tiegħu kontra l-Laburisti.
Fid-dawl ta’ dawn l-attakki, il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ għall-kalma fost iċ-ċittadini ta’ rieda tajba. Qal li għandna nibqgħu kalmi u sodi quddiem il-provokazzjoni u wiegħed li r-risposti li se jingħataw se jkunu sodi.