“Illum nistgħu nibdew inħejju għal ħajja normali, hekk kif nistgħu nħarsu ‘l quddiem b’ċertu ottimiżmu.”
Hekk stqarr il-President tar-Repubblika, George Vella f’messaġġ irrekordjat fl-okkażjoni tal-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida. Dan hekk kif din id-darba l-iskambju sar b’mod virtwali minħabba r-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija.
Il-President ħeġġeġ lill-konsli sabiex jerġgħu jagħtu l-kontribut imprezzabbli biex pajjiżna jerġa’ jilħaq dawk il-figuri ta’ tkabbir li sa ftit ilu kienu impressjonanti.
“Intom, permezz tal-kuntatti tagħkom, speċjalment mal-pajjiżi li tirrapreżentaw, tistgħu tagħtu kontribut imprezzabbli biex nerġgħu nilħqu dawk il-figuri ta’ tkabbir li sa ftit ilu kienu impressjonanti. Inħeġġiġkom tkomplu tibnu fuq dawk l-inizjattivi fl-oqsma tal-kummerċ, tal-investiment, is-servizzi b’mod ġenerali, it-turiżmu, it-tagħlim tal-Ingliż, skambji edukattivi u attivitajiet oħra kulturali.”
Stqarr li filwaqt li l-proċess ta’ rkupru ekonomiku u tas-sistema soċjali jieħu ż-żmien iżda stqarr li kulħadd għandu l-kontribut x’jagħti biex l-effetti negattivi tal-pandemija jingħelbu.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll appella biex flimkien l-isfidi jkomplu jiddawru f’opportunitajiet b’deċiżjonijiet li jwittu t-triq għal jiem aħjar.
Fil-messaġġ ta’ awgurju tiegħu spjega l-ħidma li saret f’pajjiżna tul l-aħħar sena, fosthom ir-riformi istituzzjonali bla preċedent u aktar avvanzi fis-settur tal-libertaijiet ċivili.
“Ser nibqgħu nħarsu l-quddiem, biex nieħdu deċiżjonijiet ambizzjużi ħalli jkollna ġejjieni aħjar. Jeħtieġ li nżommu saqajna mal-art, filwaqt li ma nieqfux nistinkaw biex naħtfu kull opportunità li sservi ta’ ġid għal Għawdex u Malta. Dan biex nagħmlu minn pajjiżna, pajjiż iżjed ġust u responsabbli lejn niesu u lejn l-ambjent li aħna mdawrin bih.”
Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-kandidatura ta’ Malta biex isservi ta’ membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda u stqarr kif din tkun opportunità tajba biex jikber il-profil ta’ Malta u tal-Korp Diplomatiku Malti u biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna mal-komunità internazzjonali.