Fl-aħħar sigħat komplew jirrankaw it-tħejjijiet fil-Padiljun ta’ Kordin għar-Rally Team Malta li se jkun qed jorganizza l-Partit Laburista il-Ħadd li ġej fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.
Ir-rally se jkun qed jinkludi l-mużika u d-divertiment, bis-sehem ta’ DJ’s lokali li se jkunu qed jagħtu l-wirjiet tagħhom qabel ma jsiru d-diskorsi politiċi, li l-qofol tagħhom jintlaħqu bid-diskors tant mistenni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, bħala parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista, bit-tema “Malta Flimkien”.
Ir-Rally Team Malta huwa stedina għall-familja kollha fejn se jingħadda messaġġ pożittiv, xi ħaġa sinonima li qed naraw mill-Partit Laburista f’din il-kampanja elettorali.
Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, l-Perit William Lewis, li saħaq li bħal kull attività oħra li qed itella’ il-Partit Laburista, f’din il-kampanja elettorali, l-attività tal-Ħadd li ġej se tkun qed issir b’responsabbilità.
Staqsejnih għaliex intgħażel il-Padiljun ta’ Kordin għall-attività tal-Ħadd.
Qal, “Għat-tieni attività tal-Ħadd tal-kampanja elettorali għażilna li mmorru il-Padiljun ta’ Kordin biex inkunu nistgħu nġeddu l-memorji ta’ min fejn telaq il-Prim Ministru Robert Abela. L-ewwel diskors tiegħu kien mill-Padiljun ta’ Kordin u ħassejna li din l-attività għandha tkun minn hemmhekk.”
Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, l-Perit William Lewis ħeġġeg lil kull min beħsieħbu jattendi għar-Rally tal-Ħadd biex ma jħallix għall-aħħar għax fadal biss ftit postijiet. Wieħed jista’ jċempel fuq in-numru tat-telefon 2090 1751.
Qal, “Fadal biss ftit postijiet għall-attivitajiet ta’ nhar il-Ħadd, għaldaqstant inħeġġeġ lil dawk li ma bbukkjawx biex iċemplu iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jew jibbukjaw fuq il-website partit laburista.org.”