Għaqda, tama u suċċess. Dawn kienu fost il-prinċipji li ħarġu mill-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela għas-sena l-ġdida, sena ta’ ħidma li sarfet f’suċċessi kbar fi sfond ta’ sfidi lokali u internazzjonali.
Il-Prim Ministru beda l-messaġġ tiegħu b’memorji tal-passat, fejn missirijietna ġġieldu għad-destin ta’ dan il-pajjiż u għalina, biex inkunu l-awturi tal-istorja. B’ħamsin sena minn Malta Repubblika, il-Prim Ministru spjega li din kienet storja ta’ kuraġġ, storja ta’ pajjiż li ma riedx li ċ-ċokon tiegħu jiddefinih u minn poplu li kien ibati l-ġuħ wara l-gwerra, inbena pajjiż modern u ħieles.
Dr Abela tenna l-appell tiegħu għal għaqda ta’ poplu għas-sena l-ġdida.
“L-appell tiegħi għas-sena l-ġdida huwa wieħed ta’ għaqda. Għalhekk ejja naħdmu flimkien biex dawk il-materji li l-poplu tagħna jixtieq li jtejjeb, insibu s-soluzzjonijiet għalihom flimkien. L-aħna ikbar mill-jien. L-għaqda ikbar mis-suppervja.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela iddeskriva lil pajjiżna bħala poplu ta’ qalb tajba, poplu bieżel, b’ekonomija li qed tkompli tikber u toħloq aktar ġid.
Dr Abela sostna li pajjiżna għandu talenti kbar li għandhom ikomplu jifjorixxu u rridu nidħlu għas-sena l-ġdida b’ottimiżmu u entużjażmu, sostnuti b’serħan il-moħħ li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba.
“Meta dan il-pajjiż jingħaqad, meta dan il-pajjiż juri l-kuraġġ u ma jbaxxix rasu għall-biża’, jista’ jkompli miexi ’l quddiem u jkompli jikteb l-istorja ta’ dan il-pajjiż b’suċċess. Storja ta’ perseveranza fejn iċ-ċokon tagħna lanqas jibda mad-daqs tal-ħolm tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela