“Se tibqgħu ssibu l-bibien miftuħa biex tibqgħu mexjin ’il quddiem bl-investiment.”
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Robert Abela wieġeb għal mistoqsija tan-nies waqt l-attività li ġiet organizzata l-Ħadd fil-Belt Valletta – mistoqsija dwar l-għajnuniet tal-Gvern lill-komunità kummerċjali.
Il-Prim Ministru għamel aċċenn għall-ħemel ta’ skemi mill-Malta Enterprise sabiex jiġi inċentivat aktar investiment f’pajjiżna; skemi li kienu kruċjali b’mod partikulari fiż-żmien tal-pandemija, bħal dik tal-MicroInvest, li tipprovdi għajnuna finanzjarja fi kreditu ta’ taxxa.
Dr Abela tkellem dwar is-suċċess ta’ din l-iskema.
Fl-aħħar sentejn, jiġifieri l-2021 u l-2022, b’din l-iskema tajna tax credits ta’ €75 miljun, u fiex jissarrfu dawk, għax l-iskema tagħtik sa 45 fil-mija tal-investiment. Dak l-investiment ta’ €75 miljun f’tax credits ifisser li n-negozji żgħar u medji ta’ pajjiżna investew f’€180 miljun.
Kien hawn li l-Prim Ministru Robert Abela għamel aċċenn għall-iskemi li wieżnu lin-negozju u l-komunità kummerċjali kemm fiż-żmien tal-pandemija u anke issa waqt li għaddejja l-gwerra fl-Ukrajna li qed tħalli effetti negattivi, partikolament b’rabta mat-trasportazzjoni u l-ħażna.
“Saħħaħna hemmhekk l-iskema ta’ min jikri mill-privat, fejn qabel wieħed seta’ jibbenefika hemmhekk ukoll minn cash grant ta’ €25,000 fis-sena. Dik l-għajnuna, meta wieħed qed jikri mingħand il-privat għal skop ta’ warehousing, minn €25,000 fis-sena, dik l-għajnuna żidniha għal €50,000 cash fis-sena għal min qed jikri mingħand il-privat u rduppjajna ż-żmien li fih jista’ wieħed jibbenefika minn din l-iskema.”
Hekk kif afferma mill-ġdid il-viżjoni tal-Gvern li jkompli jinċentiva dan il-qasam fiż-żmien li ġej, il-Prim Ministru kellu messaġġ ta’ kuraġġ għall-komunità kummerċjali ta’ pajjiżna filwaqt li xejjen narrattivi ta’ biża’ li ġew imxerrda qabel l-elezzjoni mill-Partit Nazzjonalista
“Se tibqgħu ssibu l-bibien miftuħa biex tibqgħu mexjin ’il quddiem bl-investiment. Se nibqgħu niġġieldu l-burokrazija żejda għax nifhmu li din tfixkel fl-investiment, u se nħallukom taħdmu, fuq kollox. Lil dawk li beżżgħukom,partikolarment waqt il-kampanja elettorali, li wara li tgħaddi l-elezzjoni ġenerali ġejja xi witch hunt fuq in-negozji u li se nibagħtu lil kulħadd biex jiġi investigat fuq it-taxxa, minflok weġibna bl-akbar pakkett ta’ inċentivi li qatt ra dan il-pajjiż.”