Winston huwa kelb ta’ tlettax-il sena tar-razza American Akita li, fl-aħħar jiem, ġie kkonfiskat mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali mingħand sidtu, li ħallietu fi stat ta’ abbandun.
Kien messaġġ fuq Facebook li wasal għand l-MSPCA, ċentru ta’ riabilitazzjoni li jsib familja għall-annimali abbandunati, li salva l-ħajja ta’ Winston meta dan kien qed ibati l-ġuħ, b’għadmu kollu jista’ jingħadd.
ONE News tkellem ma’ Althea Galea, maniġer għad-drittijiet tal-annimali fl-MSPCA, li spjegat kif saru jafu bil-każ.
Qalet, “il-kelb irrapportah xi ħadd li kien ilu jsegwi l-każ. Mid-dehra kienu saru xi rapporti qabel, però ma ttiħditx azzjoni. Min hi kkuntattjat lilna fuq il-paġna tal-mspca; tlabniha tibgħatilna r-ritratti. Dan il-kelb kien jinżamm f’bitħa, kien jidher li bla ikel u ilma. Saħansitra rajnih jixrob minn tappiera u, kif rajna l-istat tiegħu, bl-għadam kollha jidhru u ’l barra, bdejna nagħmlu t-telefonati li hemm bżonn biex dan il-kelb jinħeles minn fejn kien. ”
Galea spjegat kif, jum wara li sar ir-rapport min-naħa tagħhom, id-Dipartiment ikkonfiska lill-kelb u ħadu l-isptar tal-annimali. Hemmhekk ġie determinat li l-kelb kellu l-ġilda f’kundizzjoni ħażina ħafna u bil-feriti minħabba li kien jitħalla jorqod fuq biċċa njama. Huwa ma kienx jingħata x’jiekol.
Qalet kif ma setgħetx temmen kif sidtu ma temminx li għamlet xi ħaġa ħażina hekk kif, skontha, l-istat tiegħu kien wieħed normali.
Spjegat kif, “l-aktar ħaġa li impressjonatni hi li sidt il-kelb, għaliha m’għandu xejn ħażin, iżda għaliha kien biss qed iwaqqa’ s-suf b’mod normali. Ovvjament mill-istat tal-kelb tista’ tinduna li mhux sitwazzjoni ta’ shedding biss, imma hemm sitwazzjoni li mhux normali jkun bla suf hekk. Il-kelb vera li għandu tlettax-il sena, jiġifieri ma jibqax li jkun, però huwa fi stat ta’ abbuż u neglect.”
Intant, meta staqsejniha dwar l-adozzjoni, Galea spjegat kif huwa importanti ferm li wieħed jagħmel ir-riċerka tiegħu u jara li verament ikun lest li jkun responsabbli għall-ħajja ta’ ħlejqa li se tkun qed tiddependi għal kollox fuqu.