“Permezz ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, Sur President, illum imbagħad qed nibgħatu messaġġ favur ir-rispett. Rispett lejn is-soċjetà kollha kemm hi, rispett lejn l-uniformi u rispett lejn xulxin, aħna bħala membri ta’ din is-soċjetà.”
Kien b’dan il-mod li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, indirizza lill-Parlament fil-ftuħ tat-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali f’każi ta’ vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi.
Il-Ministru Camilleri spjega ż-żewġ prinċipji li qegħdin jixrpunaw dawn l-emendi legali.
Qal, “L-ewwel prinċipju hu li dawn l-emendi, li qegħdin inressqu, titneħħa l-possibbiltà ta’ sentenza sospiża kif ukoll li jiħraxu kemm il-multi u kemm il-pieni ta’ priġunerija.”
Fil-fatt, l-offiża ta’ inġurju, theddid jew offiża fuq il-persuna, se tara l-multa minima tiżdied għal €1,200 u dik massima titla’ għal €7,500.
Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza jsir minn persuna jew minn żewġ persuni, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied għal minimu ta’ sena sa massimu ta’ erba’ snin, b’multi ta’ bejn €6,000 u €15,000. F’każ li l-attakk isir minn tliet persuni jew aktar, inkella tintuża arma u f’każi ta’ vjolenza pubblika, il-pieni ikomplu jiħraxu skont il-gravità.
Waqt li rrimarka kif dawn il-każi huma l-eċċezzjoni, il-Ministru Camilleri nnota li r-rispett lejn l-uffiċjali pubbliċi għandu jkun hemm dejjem anke meta wieħed iħoss li l-uffiċjal pubbliku m’għandux raġun. Mingħajr ma kkummenta dwar każi speċifiċi, hu nnota li l-liġi tagħti kull opportunità li f’tali każi ssir ġustizzja miegħu.
Il-Ministru għall-Intern innota wkoll kif dawn l-emendi jikkumplimentaw miżuri oħrajn li ħa l-Gvern b’risq is-saħħa u s-sigurtà ta’ uffiċjali pubbliċi, fosthom permezz tal-bodycams. Dan minbarra li l-kundizzjonijiet tax-xogħol komplew jitjiebu fl-aħħar snin, hekk kif issa uffiċjali pubbliċi jistgħu jingħaqdu f’unjin, id-dħul fis-seħħ ta’ ftehim kollettiv u miżuri oħrajn, bħal sistema awtomatika ta’ assigurazzjoni.
Indirizza wkoll il-Parlament l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, li stqarr kif is-sigurtà tal-pulizija u tal-uffiċjali pubbliċi hi essenzjali għall-istabbiltà tas-soċjetà.
Attard innota wkoll kif, fl-aħħar snin, uffiċjali u persuni fit-tmexxija ta’ istituzzjonijiet prinċipali f’pajjiżna sfaw fil-mira ta’ attakki partiġġjani mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“Irridu ningħaqdu flimkien bħala Parlament biex nipproteġu lil dawk li jipproteġuna u niżguraw li l-messaġġ ikun ċar li l-vjolenza kontra l-uffiċjali tal-pulizija hi inaċċettabbli u mhux se tiġi ttollerata. Bħala konklużjoni ċertament li l-episodji li assistejna għalihom ifakkruna fil-bżonn urġenti ta’ din l-azzjoni li qed tittieħed f’dan il-Parlament.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici, li wkoll għamel intervjena b’rabta ma’ dan l-abbozz, innota l-mod spedit li ġie ppreżentat l-abbozz ta’ liġi. Hu fakkar ukoll kif dawn l-emendi jibnu fuq oħrajn li ddaħħlu fis-seħħ fl-2014 wara li kienu ilhom ma jintmessu għal għexieren ta’ snin taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Il-Ministru Bonnici rrimarka wkoll kif, fl-aħħar seba’ snin, ir-reati fuq uffiċjali pubbliċi naqsu bi kważi sebgħin fil-mija.