Matul id-diskors li għamel il-Ħadd, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela wassal messaġġ favur is-sigurtà f’pajjiżna, favur dawk kollha li jħarsu l-liġijiet. Fl-istess waqt, wissa li min jonqos milli jirrispetta l-liġijiet se jkun qed iħallas prezz iebes.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jibqa’ jinvesti fil-forzi tal-ordni u fl-istituzzjonijiet kollha bil-għan li dawn jiġbdu ħabel wieħed u jagħmlu xogħolhom b’mod b’saħħtu.
B’referenza għall-inċident li seħħ fil-Belt Valletta, fejn żagħżugħ allegatament ġie attakkat minn grupp ta’ żgħażagħ, Dr Abela qal li l-inċident nissel sens ta’ rabja iżda rrimarka wkoll kif il-forzi tal-ordni aġixxew mill-ewwel.
“Ħadt nifs ta’ solljiev meta l-forzi tal-ordni tagħna aġixxew mill-ewwel b’mod effiċjenti, ressqu lill-aggressuri quddiem il-Qorti. Il-Qorti fehmet ukoll il-messaġġ importanti li riedet tgħaddi, fehmet ukoll kif dan mhuwiex biss każ illi ħalla vittmi konsegwenza tal-inċident imma wkoll li ħalla xokk fuq is-soċjetà b’mod ġenerali. Huwa dak il-messaġġ illi rrid nara l-istituzzjonijiet tagħna jibqgħu jagħtu b’mod ċar messaġġ wieħed: l-istituzzjonijiet kollha illi jiġbdu ħabel wieħed favur iċ-ċittadin.”
Fir-rigward tal-qasam tal-ġustizzja, Robert Abela rrimarka li l-Gvern kompla jinvesti fil-ġudikatura hekk kif inħatru numru ta’ mħallfin u maġistrati biex b’hekk il-korp ta’ ġudikanti huwa l-akbar li qatt kien fl-istorja ta’ pajjiżna.
“Għaliex dan l-investiment b’saħħtu fil-ġudikatura? Għaliex irridu illi l-poplu tagħna b’mod inġenerali kull darba li jirrikorri quddiem il-qrati tal-ġustizzja, kull darba li jkollu xi kwistjoni li trid tiġi deċiża mill-Qrati tagħna, għandu dritt li jinsisti li jkollu ġustizzja effettiva, li tfisser ukoll ġustizzja mingħajr ebda dewmien żejjed.”
Fid-diskors tiegħu Dr Abela tkellem ukoll dwar il-pieni li jingħataw mill-ġudikanti f’każijiet kriminali. Huwa jemmen li wasal iż-żmien li jiġi rivedut il-mod kif il-ġudikanti jaslu għas-sentenza tagħhom bil-għan li jintbagħat messaġġ ċar favur iż-żamma tal-ordni.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu jgħid li f’pajjiżna rridu nsaħħu l-kultura tar-rispett reċiproku.