Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen b’messaġġ b’saħħtu favur Unjoni Ewropea aktar ħadra u diġitali waqt id-diskors tal-Istat tal-Unjoni 2023 mill-Parlament fi Strasburgu.
Fl-introduzzjoni tagħha hija nnotat kif iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea se jkunu qegħdin imorru jivvutaw u b’hekk jiddeċiedu dwar il-futur tal-Ewropa li jridu jgħixu fiha.
Von der Leyen qalet li f’dawn it-tliet mitt ġurnata l-Unjoni trid tkompli taħdem biex tispiċċa x-xogħol li nbeda u fuq kollox li tkompli tiżdied il-fiduċja li għandhom iċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Tkellmet dwar il-qalba diġitali u ħadra, biex tipproteġi lill-Istati Membri fil-futur, simili għall-messaġġ li qiegħed jibgħat il-Gvern Malti mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Innotat wkoll in-NextGenerationEU li huwa investiment ta’ tmien mitt biljun ewro favur aktar investiment għall-ġejjieni bil-għan li jinħolqu wkoll aktar karrieri ta’ kwalità.
Dwar il-qalba l-ħadra, Von der Leyen saħqet kif l-Unjoni Ewropea dawret l-isfida tat-tibdil fil-klima għal waħda t’opportunità ekonomika għall-futur, li se jkunu kkaratterizzati minn immodernizzar tal-industriji u d-dikarbonizzazzjoni.
Hija semmiet aktar inizjattivi kumplimentari biex jikkumbattu t-tibdil fil-klima, fejn innotat kif l-UE se tkompli tappoġġja lill-industrija f’setturi differenti minn dawk tal-ġenerazzjoni tar-riħ sa dawk fit-teknoloġija.
B’hekk l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tkun waħda ambizzjuża u tfittex it-tkabbir ekonomiku.
Rigward il-pressjonijiet miċ-Ċina fis-settur tal-vetturi elettriċi li qegħdin ifixlu s-suq Ewropew b’sussidji kbar ħafna mill-Gvern Ċiniż.
Fid-dawl ta’ dan Von der Leyen ħabbrel kif il-Kummissjoni se tkun qed tibda investigazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-konfront tal-vetturi elettriċi li ġejjin miċ-Ċina.
Von der Leyen innotat ukoll kif l-Unjoni Ewropea se tibqa’ soda fil-konfront tal-ugwaljanza b’mod speċjali fejn tidħol il-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Il-President tal-Kummissjoni kienet ukoll ċara fejn jidħol il-qasam agrikolu li stqarret kif dan se jibqa’ jsib l-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Dan biex jibqgħu ikunu assigurati l-impjiegi u s-sigurtà tal-ikel.
Fid-dawl li l-Unjoni Ewropea tinsab prattikament mingħajr qgħad hija qalet li l-Ewropea tinsab fi stat fejn ix-xogħol qiegħed jiġri wara n-nies u mhux bil-kontra.
Madanakollu, hija żiedet tgħid kif erbgħa u sebgħin fil-mija tal-intrapriżi żgħar u medji, bħal ma hija komposta l-ekonomija Maltija, qegħdin jgħidu li mhux isibu biżżejjed nies b’ħiliet adegwati.
Għalhekk qalet kif l-Unjoni trid tibqa’ taħdem biex tindirizza l-isfidi fis-suq tax-xogħol Ewropew b’investiment fiż-żgħażagħ.
Rigward ir-rati tal-inflazzjoni għoljin, Von der Leyen faħħret ix-xogħol tal-Bank Ċentrali Ewropew għalkemm għad fadal biex tintlaħaq l-aspettativa dwar ir-rata tal-inflazzjoni.
Minn naħa l-oħra, hija nnotat kif l-Unjoni qed jirnexxilha tibda tikseb l-enerġija bi prezzijiet irħas, li għolew b’mod partikolari minħabba li l-President Russu kompla juża l-gass bħala arma.
Hawn stqarret kif sena ilu megwatt ta’ enerġija kienet qed tiswa €300 u s’issa niżelt għal €35. Madanakollu, dan se jkompli jixpruna aktar investiment fis-setturi tal-enerġija rinovabbli fost l-oħrajn dawk li jaħdmu bl-idroġenu.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet kif l-Unjoni huwa post fejn il-kumpaniji jkunu jridu jaħdmu b’mod faċli. Għalhekk sal-aħħar tas-sena se tkun qed titwaqqaf delegazzjoni li tgħaddi l-messaġġ tal-Intrapriżi Żgħar u Medji li jirraportaw direttament lilha.
B’hekk l-Unjoni tibqa’ waħda b’suq kompettitiv.
Għal dawn l-isfidi Von der Leyen qalet li talbet lill-Mario Draghi, wieħed mill-akbar imħuħ ekonomiċi fl-Ewropa, biex jipprepara rapport ħalli l-Ewropa tkun tista’ tibqa’ tgawdi mill-vantaġġ kompettitiv tagħha.
Von der Leyen tkellmet ukoll dwar il-qasam diġitali u l-intelliġenza artifiċjali.
Dan bil-għan li l-Ewropa tkompli tiġġieled il-miżinformazzjoni, tqassim ta’ kontenut li jista’ jagħmel il-ħsara li qiegħed iwassal għal nuqqas ta’ fiduċja u ksur tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.
Huwa propju għalhekk li l-Unjoni se tkun qed taħdem fuq leġiżlazzjoni li tassigura kif l-intelliġenza artifiċjali tkun waħda trasparenti bid-dinja virtwali tkun waħda aktar sigura għal dawk li jagħmlu użu minnha.
Din il-leġiżlazzjoni f’forma ta’ framework trid tara li tkun waħda li tkompli tħeġġeġ l-innovazzjoni, tippromwovi l-governanza t-tajba u tipprovdi l-protezzjoni neċessarja.
B’hekk l-intelliġenza artifiċjali tkun waħda ta’ benefiċċju li ddur mal-ħtiġijiet tal-bniedem.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea tkellmet ukoll dwar is-sigurtà u l-migrazzjoni.
Hija qalet kif meta l-Unjoni tkun magħquda bejnietha ħadd ma jista’ jaqsamha minn barra.
Innotat fost l-oħrajn kif l-Ewropa se tkun hemm biex toffri s-sapport meħtieġ lill-pajjiżi oħra bħal ma qiegħed jiġri fil-Marrokk u l-Libja li sofrew minn avvenimenti naturali katastrofiċi.
Von der Leyen semmiet ukoll l-importanza ta’ aktar kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-kontinent Afrikan u lil hinn.
Dan qalitu fil-kofront ta’ opportunitajiet ekonomiċi mal-Indja, Lvant Nofsani fosthom fi swieq ta’ enerġija rinovabbli u investimenti tekonoloġiċi li jkomplu jippromwovu aktar kummerċ mill-Ewropa ‘l barra.
Von der Leyen faħħret il-ħidma fi spirtu ta’ għaqda dwar il-migrazzjoni li bbilanċajt diversi aspetti mis-sigurtà għas-solidarjetà u mis-sovranità għall-umanità.
Hija rringrazzjat b’mod partikolari li f’dan l-ispritu l-Bulgarija u r-Rumanija urew li huma parti miż-Żona Schengen għalhekk ħeġġet li dawn jidħlu mingħajr aktar dewmien.
Von der Leyen ħeġġet ukoll biex jintlaħaq ftehim b’rabta mal-Patt tal-Imigrazzjoni u b’hekk l-Unjoni Ewropea tibqa’ tkun b’saħħitha kontra t-traffikar uman.
L-Ukrajna wkoll kienet waħda mit-temi li dwarhom tkellmet il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Hawnhekk hi qasmet aneddota dwar familja li emigraw lejn Praga. Din kienet l-istorja ta’ Victoria Amelina li qalet lit-tifel tagħha kif kienet waslet id-dar tagħha fl-Unjoni Ewropea fejn wieħed jista’ jafda lill-ieħor.
Sfortunatament, hija kompliet tirrakonta kif Amelina irritornat lejn l-Ukrajna biex tirraport l-attroċitajiet tal-Gwerra u nqatlet b’missila sena wara.
Dakinhar kien hemm tliet persuni magħha wieħed minnhom, Héctor Abad Faciolince, li wkoll kien qed jikteb dwar il-Gwerra li kien preżenti fil-Parlament Ewropew għal dan id-diskors.
Fid-dawl ta’ din il-gwerra Von der Leyen qalet kif il-Kummissjoni se tipproponi li protezzjoni tempronajna għall-Ukreni fl-UE tkun estiża.
Hija irrimarkat ukoll l-investiment tal-Unjoni biex tappoġġja lill-Ukrajna li s’issa laħħaq it-tnax-il biljun ewro b’aktar mistennija għall-futur biex l-Ukrajna terġa’ tqum fuq saqajha.
Von der Leyen stqarret kif l-Unjoni Ewropea għandha tkun post komplet għal ħames mitt miljun ċittadin li jgħixu b’mod liberu, f’demokrazija u Unjoni mimlija prosperità.
F’din l-Unjoni s-salta tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jibqgħu jirrenjaw u jkunu rispettati.
Għalhekk l-Unjoni għandha tara kif tkompli titwessa u ssir aktar fonda fl-integrazzjoni politika tagħha.
Hi nnotat kif il-bidu tal-Unjoni li kienet tirrigwardja biss il-faħam u l-ħadid u li issa sar il-Proġett Ewropew mimli progress li jrid ikompli fil-ġejjieni.
Hawnhekk innotat ukoll il-bżonn ta’ tibdil mit-Trattat ta’ Liżbona u Konvenzzjoni Ewropea ġdida.
Von der Leyen irrimarkat is-suċċessi tal-Unjoni fl-aħħar snin minn kisbiet fil-qasam tas-saħħa fil-pandemija u s-sanzjonijiet li kienu implimentati f’qasir żmien u x-xiri tal-gass b’mod konġunt fid-dawl tal-gwerra.
Għalhekk ħeġġet kif l-Unjoni Ewropea għandha tqum għall-okkażjoni u għal darb’oħra terġa’ tikteb id-destin tagħha.
Fl-għeluq tad-diskora taħgha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea reġgħet fakkret fil-viżjoni tagħha, f’Ewropa mgħquda fil-libertà u l-paċi fejn kulħadd iħobb lil min irid u jikber kemm irid.
Hija temmet tgħid kif din hija s-sejħa storika tal-mument għall-Unjoni Ewropea.