Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qed tħares ‘il quddiem għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u meta mistoqsija dwar il-fatt li l-Presidenza issa se tkun qed tgħaddi għand l-iżgħar pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, Merkel wieġbet li Malta hija lesta biex tmexxi b’mod eżemplari. Żiedet li l-pożizzjoni ġeokgrafika se tgħin biex ikunu diskussi temi li bħalissa hemm il-ħtieġa li jkunu diskussi.
Għall-istess mistoqsija l-Prim Ministru Joseph Muscat qal: “Iġġudikawna bir-riżultati.” Dan fl-istess ħin li tkellem bi kburija dwar il-mod kif pajjiżna jmexxi l-affarijiet. Jirriżulta li l-laqgħa bejn Merkel u Muscat reġgħet kienet laqgħa pożittiva, anke għax kif qalet Merkel innifisha r-relazzjonijiet bilaterali huma tajbin ħafna.
Fil-laqgħa li ffokat dwar il-prijoritajiet Maltin għall-Presidenza kien diskuss is-summit tal-Unjoni Ewropea u t-tema tal-immigrazzjoni. Bi Brexit ukoll fuq l-aġenda, Merkel tenniet li mhux se tkun presidenza faċli u qalet li l-Ġermanja se tgħin kull fejn ikun hemm bżonn.
Il-Prim Ministru Malta laqa’ b’sodisfazzjon dawn il-kummenti u qal li Malta tibqa’ sservi bħala post li joħloq id-djalogu. Qal li Malta hija sodisfatta li l-Ġermanja qed taddotta pożizzjoni simili dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Mediterran. Filwaqt li quddiem il-ġurnalisti internazzjonali Muscat reġa’ elenka l-prijoritajiet tal-presidenza.
Fuq l-aġenda, anke tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, kien hemm it-Turkija. Bil-Prim Ministru jgħid li l-Unjoni Ewropea trid tirrispetta l-impenji li għandha mat-turkija filwaqt li reġa’ sostna l-importanza tad-djalogu.