Illum, Malta mal-kumpalment tad-dinja tat merħba lis-sitt xahar tas-sena, Ġunju.
Ix-xahar li bosta Maltin u Għawdxin kien ilhom jistennew hekk kif pajjiżna mistenni jagħmel pass ieħor ‘il quddiem sabiex nerġgħu nibdew ngħixu n-normalità mill-pandemija.
Malta llum mistennija terġa’ tiftaħ għat-turiżmu b’mod sigur, dan fl-istess waqt li għandek settur turistiku ppreparat, lest u ħerqan sabiex jilqa’ lit-turisti wara ġimgħat ta’ kwiet.
Bosta lukandiera huma ferm pożittivi u qed jaraw li se jkollhom sajf tajjeb ħafna għan-negozju tagħhom, hekk kif bosta turisti, apparti li qed jaraw lil Malta bħala post sigur, ġa rriservaw il-kamra tagħhom biex iqattgħu l-btala tagħhom f’pajjiżna.
Kif kien tħabbar, illum ukoll daħlet fis-seħħ il-miżura, li l-ilbies tal-maskri mhux se jkun infurzabbli bil-liġi fuq il-bajjiet. Iżda l-awtoritajiet Maltin xorta rrakkomandaw sabiex din tibqa’ tintlibes.
Intant, fil-jiem li ġejjin se nkomplu naraw ir-rilaxx ta’ aktar restrizzjonijiet fosthom il-ftuħ tal-bars u każini.