Hekk kif ġimgħatejn ilu tpoġġew għadd ta’ pjanti u siġar quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta, proprju bħala parti mill-inizjattiva Valletta Green Festival, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħabbret kif dawn se jsiru permanenti.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija, Jason Micallef, spjega kif kienet ix-xewqa ta’ wisq nies li kitbu lill-Aġenzija jew kellmuhom biex it-tħaddir u l-fjuri li saru f’din il-pjazza jibqgħu jitgawdew għal dejjem, u kien għalekk li ddeċidew li dawn isiru residenti permanenti.
Kienu bosta li ħadu ritratti ma’ din ix-xena flimkien mat-tfal tagħhom hekk kif daħlu mid-daħla tal-Belt, fejn esprimew ix-xewqa li din l-attrazzjoni spontanja ssir waħda permanenti.
Din l-aħbar intlaqgħet b’mod pożittiv minn numru ta’ persuni li sejħu din l-inizjattiva bħala waħda li għandha ssir f’kull lokalità.