Waqt plenarja fil-Parlament Ewropew fi Brussell, numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej ma setgħux jivvotaw minħabba problemi tekniċi.
Wara li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ddikjarat il-vot, numru ta’ Membri Parlamenti Ewropej qamu u bdew isostnu li l-magna fejn jivvotaw ma bdietx taħdem.
Iżda mbagħad, f’dikjarazzjoni xokkanti, Roberta Metsola sostniet li dan il-vot li ttieħed, dwar id-deforestazzjoni, huwa validu.
Wara din id-dikjarazzjoni u wara aktar kritika mill-Membri Parlamentari Ewropej qamet iċ-Chairperson tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Iratxe Garcia Perez. Hi saħqet li l-vot għandu jerġa’ jittieħed għaliex huwa dritt ta’ kulħadd li jivvota.
Dwar dan l-aġir, id-Deputat Mexxej u Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba sostna li fil-Parlament Ewropew hemm konfużjoni, hekk kif minkejja l-kritika kbira li saret waqt din il-plenarja, Roberta Metsola rreżistiet milli twaqqaf il-vot.
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Laburista Thomas Bajada, waqt li ppubblika l-filmat ta’ x’ġara, saħaq li d-deċiżjoni ta’ Roberta Metsola timmina l-prinċipji demokratiċi tal-Parlament Ewropew.