Fl-indirizz tiegħu, l-MEP Thomas Bajada nieda l-inizjattiva “Economy of Wellbeing: Bridging the Gap”, studju li jħares lejn tkabbir ekonomiku li mhux biss ikun sostenibbli imma wkoll inklussiv u bbażat fuq il-bżonnijiet tan-nies. Din il-viżjoni tfittex li tpoġġi s-sostenibbiltà ambjentali, soċjali, u ekonomika fiċ-ċentru tal-politika, waqt li tirrifletti, kemm evidenza xjentifika, kif ukoll il-vuċi tal-pubbliku.
Bajada tenna li l-ekonomija għandha tkun għodda biex issostni l-ħajja, u mhux viċi versa. Huwa ħabbar il-bidu ta’ studju li se jiġbor kemm data xjentifika, kif ukoll l-opinjonijiet tan-nies, sabiex jinbnew policies prattiċi u mibnija fuq il-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħna. Saħaq ukoll li d-djalogu ma’ familji, għaqdiet, u żgħażagħ huwa kruċjali biex jinbena futur li jpoġġi l-benesseri ta’ kulħadd fiċ-ċentru.
Fid-diskors tiegħu, Bajada enfasizza l-ħtieġa li noħolqu pont fil-qasma li teżisti bejn mudelli ekonomiċi li jiffukaw fuq tkabbir veloċi u ‘short-term’, u dawk li huma ‘long-term’ għaliex ipoġġu l-valuri umani u ambjentali fuq quddiem. Huwa qal li dan il-proġett għandu jkun il-bażi għal politika ġdida li tmexxi lil Malta u lill-Ewropa lejn ekonomija li tibni nies, komunitajiet u ambjent aktar reżiljenti. Tkellmu ukoll l-Ekonomista Lawrence Zammit li għandu l-inkarigu tal-analiżi kwantitattiva, filwaqt li s-Soċjologu Justin Attard ser jieħu ħsieb il-parti kwalitattiva.
Waqt it-tnedija tkellmu ukoll rapreżentanti mis-soċjetà ċivili li kienu hemm preżenti, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, il-Gozo Business Chamber, Richmond Foundation, ERA u l-Birdlife, li ressqu numru ta’ rakkomondazzjonijiet u punti għad-diskussjoni.
Bajada temm b’appell għal kollaborazzjoni wiesgħa, billi stieden lil kull min għandu għal qalbu din il-viżjoni biex ikun parti minn din il-bidla meħtieġa. “Din hija politika li trid tibda mill-fatti u l-ħtiġijiet tal-pubbliku, mhux minn polarizzazzjoni jew ħsieb għal żmien qasir,” qal.