L-MPE Marlene Mizzi qalet li l-Membri tal-Parlament Ewropew qed jimxu bi standards doppji wara l-vot fuq Resoluzzjoni dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta u l-Islovakkja. Malta qiegħda tiffaċċja r-raba’ resoluzzjoni kontriha, dwar kwistjonijiet marbutin mas-saltna tad-dritt. Hija kkritikat ukoll il-fatt li l-valuri tal-PE – dawk tan-nondiskriminazzjoni, ġustizzja u oġġettività – mhumiex qed jitħaddmu f’din is-sitwazzjoni.
Mizzi qalet li “l-politika partiġġjana li hemm wara din ir-resoluzzjoni hija evidenti ħafna. Hija resoluzzjoni bbażata fuq nuqqas tal-integrità tal-fatti u miżinformazzjoni. Malta hija l-uniku Stat Membru li ffaċċja erba’ resoluzzjonijiet kontrih f’din il-leġiżlatura. La l-Polonja u lanqas l-Ungerija – li t-tnejn li huma nstabu li ma rrispettawx artiklu 2 tat-Trattat – ma kellhom jiffaċċjaw daqstant resoluzzjonijiet. Dawn huma standards doppji li qatt m’għandhom jintużaw mill-PE.”
“Fil-kitba ta’ din ir-resoluzzjoni tal-mistħija kontra Malta kienet involuta waħda mill-Ewroparlamentari Maltin bħala shadow rapporteur, li hija wkoll il-kordinatur tal-LIBE għall-Partit Popolari Ewropew. Dan huwa tassew deplorevoli,” qalet Marlene Mizzi.
“Filwaqt li nifhem li għad hemm lok għall-progress, u li l-ebda gvern jew pajjiż mhuma perfetti, m’iniex se naċċetta li isem pajjiżi jitħammeġ bi tfigħ ta’ tajn kontinwu mingħajr rispett lejn oġġettività u integrità tal-fatti. Il-Gvern Malti diġà addotta aktar bidliet leġiżlattivi favur it-trasparenza, milli għamel il-PN f’25 sena fil-Gvern. Il-Gvern Malti wera wkoll l-intenzjoni tiegħu li jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, iżda oħroġ il-għaġeb, xejn minn dan ma ġie kkunsidrat fit-tħejjija tar-resoluzzjoni.”
“Se nibqa’ niddefendi isem Malta u l-interessi taċ-ċittadini tagħna kontra dawk li qed iħammġu isem pajjiżna inġustament,” temmet tgħid l-MPE Marlene Mizzi.