Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għat-tielet attivita tal-Memory Café, ġewwa l-Arka ta’ Noe fis-Siġġiewi.
Din is-sena l-Active Ageing and Community Care Department u n-National Dementia Society ingħaqdu sabiex jiġi introdott il-kunċett ta’ Memory Cafés. L-idea wara dawn il-cafés hija li persuni li għandhom xi forma ta’ dimensja u l-familjari tagħhom ikollhom opportunita biex jissoċjalizzaw ma’ oħrajn li għaddejjin minn esperjenzi simili.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis stqarr li meta persuna tgħaddi minn telf ta’ memorja, kif ukoll meta wieħed jara lil xi familjari jgħaddu minn din l-esperjenza, hemm ċans kbir li tibda tħossha waħidha. Però, f’Malta hawn aktar minn 6,000 persuna li tbati mill-kundizzjoni tad-dimensja, u dawn in-numri huma stmati li jitilgħu għal 13,000 sas-sena 2050.
Is-Segretarju Parlamentari kompla billi ddeskriva l-Memory Cafés bħala ambjent informali fejn dawn il-persuni jistgħu jsibu appoġġ billi jaqsmu t-tħassib li ġġib magħha din ir-realtà, u anka jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni korretta minn professjonisti li jkunu preżenti biex iwieġbu għal dawn il-ħsibijiet.
Anthony Agius Decelis stqarr li din hija waħda mill-wegħdiet elettorali ta’ dan il-Gvern li qed tiġi implimentata f’inqas minn sena tat-tieni leġislatura. Ħafna mid-drabi, dawn il-Memory Cafés jiġu organizzati ġewwa l-Active Ageing Day Centres fil-komunitajiet tagħna sabiex persuni li jbatu bid-dimensja u dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu jistgħu jattendu f’wieħed miċ-ċentri qrib tagħhom.
Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva huwa mpenjat biex jassigura li l-anzjani jgħixu ħajja dinjituża u jkunu rrispettati f’kull stadju ta’ ħajjithom. It-tnedija ta’ dawn il-Memory Cafés hija mod ieħor ta’ kif qegħdin inkunu innovattivi fis-setturi tal-anzjanità u d-diżabilità sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn l-individwi u tal-familjari tagħhom.