Il-Ħamra ta’ Birkirkara, l-oranġjo kienet tieħdok iż-Żurrieq u il-ħadra għall-ibliet tal-Kottonera.
Dawn huma biss tifkiriet tal-Karozzi tal-Linja fis-sebgħinijiet li jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqhom jibqgħu minquxa biss f’moħħna. Dawn kollha huma parti minn wirja li hija miftuħa sal-Ħadd 3 ta’ Marzu fil-Kwartieri ewlenin tal-Iscouts fil-Ħamrun.
Ħafna jiftakru wkoll il-karru tal-mejtin ta’dari saħansitra b’dak abjad li kien jintuża biss għat-trabi u t-tfal, bil-karozzella li fiha kien jinġarr is-saċerdot li kien jakkumpanja il-katavru waqt xi funeral.
Ma jonqsux il-katalletti u magħhom dawk tal-ispalla u fl-isfond is-suġġetta li kienet twassal lin-nobbli minn lok għall-ieħor.
Jolqtu l-għajn l-omnibus, il-karozzin Malti u l-karettun li fl-imgħoddi, minflok bil-vann, il-bejjiegħ tal-ħobż kien iqassam fit-toroq tagħna.
Nagħtu daqqa t’għajn ukoll lejn l-ewwel xarabank, double decker, minn erbgħa biss li kienu ġew f’pajjiżna. Insibu għadd ta’ mudelli ta’ binjiet marbuta mal-ferrovija ta’ Malta. Dan huwa mudell tal-istazzjon tal-ferrovija li kien hemm il-Belt Valletta fejn illum hemm il-bini tal-Parlament biswit it-Teatru Rjal.
Mudell ta’ Bieb il-Belt mibni mill-Ingliżi, it-tielet wieħed li serva bħala entratura tal-Belt kapitali bil-Granmastri De La Vallette u L’Isle Adam fuq kull naħa tiegħu.
F’din il-wirja insibu wkoll numru ta’ mudelli ta’ magni tal-isteam maħduma b’ħila, reqqa u paċenzja kbira minn membri tal-Fondazzjoni tal-Ferrovija ta’ Malta. Magni li bidlu d-dinja u ġabu rivoluzzjoni mekkaniżata fi żmien ir-Reġina Vittorja.
Ġrajja interessanti li hija mfakkra f’din il-wirja hija meta fi snin għoxrin tas-seklu l-ieħor f’Santa Venera, erbgħa u tletin barri fi triqithom lura lejn ir-razzett kienu ntlaqtu mill-ferrovija, li baqgħet dieħla fihom bis-saħħa u spiċċaw bla ħajja.
L-għada ta’ din id-diżgrazzja, it-22 ta’ Lulju 1923, iċ-ċanga kienet inbiegħet bi prezz baxx. B’xorti tajba, ħadd ma kien weġġa dakinhar.
It-tramm li kien mezz antik ta’ trasport sab postu wkoll f’din il-wirja. Waqt ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fi Triq il-Kbira, ġew maqlugħa dawn ir-rails tat-tramm li huma ferm differenti minn tal-ferrovija jew aħjar il-vapur tal-art.