Id-dar tal-irkant tal-memorabilja mil-qasam tad-divertiment Propstore se tkun qed toffri aktar minn 350 oġġett mis-settur mużikali li kienu użati jew kienu jappartjenu lill-ġganti tal-mużika biex jinbiegħu waqt l-irkant tal-15 ta’ Novembru bħala parti minn avveniment ta’ erbat’ijiem li matulu se jiġu wkoll irkantati props u kostumi mill-qasam taċ-ċinema u t-televiżjoni.
Wieħed mill-aktar oġġetti mistennija mil-lottijiet tal-mużika huwa master tape ta’ Jimi Hendrix li fih erba’ reġistrazzjonijiet mhux rilaxxati u li jinsab ġo kaxxa li fuqha l-mużiċista kiteb it-titli tagħhom.
Lirika nkwadrata bil-kaligrafija ta’ Michael Jackson tad-diska ‘Beat It’ ukoll se tkun irkantata kif ukoll uħud mil-ġkieket tiegħu. Waħda minn dawn li hija stil militari sewda u kulur d-deheb qed tiġi stmata li tmur bejn mitejn elf u erba’ mitt elf sterlina filwaqt li l-ġakketta ħamra milbusa waqt il-provi tat-tour ‘Thriller’ fiha diversi firem famużi. Filfatt mhux talli hija ffirmata minn MJ stess imma fuq ġewwa, fl-inforra ta’ wara, hemm il-firem tad-direttur tal-vidjo ‘Thriller’ John Landis u martu Deborah li ddisinjat il-ġakketta biex jilbisha Michael Jackson.
Għall-bejgħ ukoll hemm ħmistax-il kitarra li kienu propjetà u ndaqqu minn Noel Gallagher f’dik li Propstore qed jgħidu hija l-akbar kollezzjoni ta’ kitarri ta’ Oasis li qatt ġiet irkantata. Din tinkludi dik li kienet l-ewwel waħda tiegħu mal-grupp mużikali u stmata bejn 25,000 u 50,000 lira sterlina. Filwaqt li kitarri tal-Oasis kemm-il darba jkunu rkantati, però wara li tħabbret li dan il-grupp reġa’ ingħaqad, l-interess għola ħafna aktar minn qatt qabel.
Oġġetti oħra mil-aktar mistennija huma amplifier ta’ John Lennon stmat li se jġib bejn mija u mitejn elf lira sterlina u synthesiser ta’ Prince użat waqt ir-reġistrazzjoni ta’ ‘Purple Rain’ li mistenni jinbiegħ bejn ħamsin elf u mitt elf sterlina.