Membru tal-familja tat-tabib Malti li dalgħodu rriżulta pożittiv għall-Coronavirus, ġiet ukoll ikkonfermata li għandha l-COVID-19. Huma kienu flimkien waqt btala fid-Dolomiti, fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Għalhekk, bħal każijiet kollha preċedenti, dan il-każ ta’ Coronavirus huwa impurtat mill-Italja.
Il-mara se tinżamm fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei. L-awtoritajiet tas-saħħa huma infurmati li minn mindu waslet lura Malta mill-btala l-mara ma marritx għax-xogħol. Ir-raġel li rriżulta fil-pożittiv filgħodu segwa wkoll kwarantina sakemm ittestja fil-pożittiv. Il-kundizzjoni tagħha hija waħda tajba.
Dan huwa s-seba’ każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna u bħall-każijiet l-oħra kollha din il-persuna ġiet infettata fl-Italja u mhux f’Malta. Sa issa għadu ma kien hawn l-ebda trażmissjoni lokali ta’ dan il-virus.
Aktar kmieni matul il-jum f’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru ħabbar aktar miżuri ta’ prekawzjoni fosthom it-twaqqif tat-titjiriet minn u lejn l-Italja, l-Ġermanja, Franza, l-Isvizzera u Spanja. Tħebbar ukoll li trid issir kwarantina mandatorja minn min ikun ġej minn dawn il-pajjiżi. Spjega li din il-kwarantina se tkun infurzata minn spezzjonijiet frekwenti tal-Pulizija u kull darba li l-persuna ma tinstabx id-dar jew fil-kamra tal-lukanda tagħha se tkun qed teħel multa ta’ €1,000.
Fi stqarrija maħruġa l-Erbgħa filgħaxija mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Gvern baqa’ jappella għall-kalma u responsabbilità. Il-Gvern qed jieħu dawk il-miżuri kollha neċessarji biex jissalvagwardja is-saħħa tal-poplu Malti.