Għaddiet id-data li l-Parlament Ewropew ta lill-mexxejja Franċiża tal-lemin estrem Marine Le Pen biex tirritorna aktar minn €300,000 li skont l-istess Parlament intużaw b’mod ħażin.
Il-kandidata Presidenzjali kellha sa nofsillejl biex trodd lura din is-somma flus, iżda qalet li ma kellha ebda intenzjoni li tagħmel dan. Il-Parlament Ewropew qal li Le Pen użat dawn il-flus biex tħallas persuna li kienet tgħin fil-kwartieri tan-National Front f’Pariġi.
Iżda quddiem dawn l-allegazzjonijiet, Le Pen, qed tisħaq li dawn l-akkużi huma għajr vendetta politika, iżda l-Parlament Ewropew se jkun qed jieħu nofs il-paga tagħha bħala Membru Parlamentari Ewropew filwaqt li mhux se tingħata allowances oħra.
Din l-aħbar ħarġet fi żmien li l-istħarriġ qed juri li l-kandidata Presidenzjali hija waħda mill-favoriti għall-elezzjoni ta’ April u Mejju. Il-polls juru li t-taqtigħa se tkun bejn il-kandidat konservattiv Francois Fillon u Le Pen.