Il-Kulleġġ Malti għall-Arti u x-Xjenza, l-MCAST, nieda simpożju ta’ jumejn, bil-għan li jisfida l-istatus quo filwaqt li jsaħħaħ il-legat tal-qasam sportiv wara l-avvenimenti ewlenin li se jsiru din is-sena.
Dan se jiġi organizzat bejn it-23 u l-24 ta’ Frar mill-Istitut għas-Servizzi fil-Komunità fi ħdan il-kulleġġ.
Madwar 40 kelliem minn 9 istituzzjonijiet edukattivi u 14-il organizzazzjoni sportiva se jkunu parti minn diskussjonijiet u preżentazzjonijiet, fosthom membri tal-UEFA u oħrajn b’involviment fil-logħob tal-Commonwealth u l-Olimpjadi, fost l-oħrajn.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, fakkar li pajjiżna se jospita żewġ avvenimenti fuq skala kbira: il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-Finali tal-UEFA tal-Under 19. Hu żied jgħid li l-MCAST huwa kruċjali fl-edukazzjoni sportiva u li dan is-simpożju se joffri lok għal aktar opportunitajiet.
Lettur anzjan f’dan il-kulleġġ, Joseph Mifsud, li qed jikkoordina dan il-proġett, fiehem ukoll l-għanijiet ta’ dan is-simpożju.
“Huwa ffukat fuq temi varji li għandhom x’jaqsmu mal-isport Malti, l-importanza li jkollna edukazzjoni postsekondarja tajba għall-istudenti tagħna, u se naffrontaw ukoll temi partikolari. It-tieni tema, li se tkun l-importanza li nipprovdu opportunitajiet ta’ sport lil kulħadd, kif ukoll x’inhuma l-aspetti li għandna f’moħħna biex ikollna performance tajba fil-livell elite u kif ukoll it-tielet u l-aħħar tema, fejn se niffukaw fuq l-importanza li jkollna xi tip ta’ bidla fil-mentalità sportiva tagħna.”
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Joachim James Calleja, qal li l-istudenti għandhom jassiguraw li l-qasam sportiv ikun dinamiku u inklussiv.
Id-Direttur tal-Istitut għas-Servizzi fil-Komunità fil-kulleġġ, Anne Marie Cassar, qalet li se tkompli tissaħħaħ il-ħidma biex kulħadd jingħata opportunità ndaqs, minkejja l-fatt li aktar minn 500 student jistudjaw korsijiet relatati mal-isport.