Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Dr Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija,
is-Sur Angelo Gafà, ippresedew ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li ddistingwew ruħhom b’mod eċċezzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena li għaddiet.
L-uffiċjali ppremjati kienu nnominati mill-kollegi pulizija stess.
Din is-sena ngħata ukoll premju lil membri tal-pubbliku, li ġew innominati bħala rikonoxximent għall-appoġġ li qed jagħtu lill-Korp tal-Pulizija.
Intant, fl-istess ċerimonja, is-Sezzjoni Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika
(GBDV) ingħata rikonoxximent wara li fil-jiem illi għaddew ġie ppremjat bil-Quality Label waqt serata
tal-Jum Internazzjonali għas-Servizz Pubbliku 2024.
F’kelmtejn li għamel waqt din iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron
Camilleri aċċena għal bidla fil-mentalità li bdiet issir fil-Korp tal-Pulizija matul l-aħħar snin. Il-Ministru
Camilleri qal li “dan wassal biex toktor il-fiduċja fil-membri tal-korp li huma minn tal-ewwel li jwieġbu
għas-sejħiet tal-pubbliku sabiex jipproteġu, iħarsu l-ordni u jiddefendu l-ġustizzja.”
Il-Ministru Camilleri qal li f’dinja u f’soċjetà li qed dejjem ikunu kumplessi huma l-membri tal-pulizija li
jagħtu sehemhom biex isseddqu sikurezza akbar u jħarsu l-kommunitajiet tagħna.
Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafà, filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha
tal-Korp tal-Pulizija, kemm lil dawk rebbieħa, kif ukoll lil dawk li nnominaw lill-kolegi tagħhom, qal li
“dawn il-premijiet huma turija ta’ kemm il-Korp tal-Pulizija llum il-ġurnata jrid jirrikonoxxi kull sforz li
l-pulizija jwettqu fil-qadi ta’ dmirijiethom, anke lil hinn mill-post tax-xogħol u dan sabiex il-Korp ikun
wieħed effettiv u effiċjenti.”
Il-Kummissarju Gafà fakkar fid-diversi stħarriġ, kemm fuq livell nazzjonali u anke internazzjonali, kif
ukoll fir-rapporti annwali tal-kriminalità, li fihom, il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija qed tkompli tikber.
Huwa qal li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ma jistennewx affarijiet kbar mingħandna, imma jistennew
biss li jinqdew b’empatija u bi professjonaliżmu.