Fis-sitt jum tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, membri tal-istess Partit iltaqgħu u tkellmu ma’ bosta investituri lokali u internazzjonali u rappreżentanti ta’ negozji waqt l-Istartup Festival, li ttella’ fuq jumejn fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Hawnhekk huma setgħu jisimgħu minn fomm l-investituri Maltin infushom kemm Gvern Laburista, anke permezz tal-entità governattiva l-Malta Enterprise, qed ikun ta’ spalla għalihom bi skemi finanzjarji differenti.
Il-membri tal-Partit Laburista setgħu jinnotaw ukoll kif avveniment bħal dan jista’ jiżra’ ż-żerriegħa, li tħalli l-frott fil-qasam tan-negozju f’pajjiżna, dan hekk kif l-istart-ups lokali qed jiltaqgħu u jiddiskutu l-proposti varji tagħhom mal-investituri.
Waqt din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-qasam tal-investiment u n-negozji f’Malta.
“Anke aħna, bħala Partit, importanti li nifhmu x’qed titlob l-industrija u ħadt pjaċir illum f’dan il-festival nara l-impenn tal-Gvern biex jgħin lil dawk il-kumpaniji li jridu jibdew. Anke permezz ta’ fond ta’ €10 miljun u anke dawk il-kumpaniji eżistenti biex jagħmlu l-iscale up tagħhom biex ikomplu jkunu kompetittivi f’din id-dinja tax-xogħol li hi waħda dinamika.”
Flimkien mas-Segretarju Parlamentari Ellul, kien hemm ukoll, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef, il-President tal-Partit Ramona Attard, is-Segretarju tal-Eżekuttiv Catherine Fenech, id-Deputat Laburista Omar Farrugia u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali jintlaħaq il-Ħadd li ġej, b’diskors mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta, mill-10:30 ’il quddiem.