Melvin Theuma stqarr bil-mod kif seta’, li hu weġġa’ lilu nnifsu.
Iddikjara dan il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’konferenza tal-aħbarijiet f’inqas minn tnax-il siegħa wara li Melvin Theuma ittieħed l-isptar wara li sofra ġrieħi serji.
Il-Kummissarju Gafà stqarr, “L-ispettur Arnaud, wieħed mill-ewwel li wasal fuq il-post u saqsa speċifikament lil Melvin Theuma min għamel dik il-ħsara fuq ġismu u bil-mod kif seta’ qal li hu li għamel dan kollu u ma kien hemm ħadd iktar. Dan intqal fil-preżenza ta’ paramediċi.”
Kien fid-disgħa u nofs ta’ filgħaxija li l-puliziija sabet lil Melvin Theuma b’sikkina f’idu l-leminija bi ġrieħi serji f’għonqu, feriti fil-kustilji tal-lemin u fil-polz tax-xellug.
Waħda mill-feriti fil-kustilji kienet fonda.
Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li mill-ewwel investigazzjonijiet kollox jindika li l-feriti li nstabu fuq il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienu magħmulin minnu stess.
“Anki t-titjir tad-demm fil-post kien titjir ikkonċentrat li allura turi li ma kien hemm ebda struggle.” Kompla jgħid is-Sur Gafà.
Il-Kummissarju Gafa qal li ħadd fil-blokka ma sema kommossjoni, bl-apperturi ġewwa kienu kollha magħluqin għajr il-bieb tal-gallarija u tieqa tal-kċina li tagħti għal xaft.
Spjega kif kienet l-avukat ta’ Theuma, Dr. Kathleen Grima li ċemplet lill-ispettur Keith Arnaud u qaltlu li ma tistax tagħmel kuntatt ma’ Melvin Theuma. L-ispettur Arnaud informa lill-pulizija li kien għassa miegħu u waslet is-sieħba ta’ Theuma.
Il-pulizija u s-sieħba ta’ Theuma daħlu u sabuh fil-kamra tas-sodda.
Il-pulizija tkellmet mas-sieħba ta’ Theuma u qaltilhom li hi u t-tifel ħarġu fis-sebgħa ta’ filgħaxija u qabel telqu, Theuma qalilha sabiex tieħu ċ-ċavetta tad-dar magħha għax kien se jidħol jistrieħ.
Melvin Theuma kien għadu kif irritorna d-dar wara li kien qiegħed għand l-avukati tiegħu sabiex jipprepara għax-xhieda li kellu jagħti l-Erbgħa fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech.
Melvin Theuma, li ngħata l-proklama biex jgħid is-sewwa u l-verita fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia, kien waħdu fid-dar tiegħu fis-Swieqi u ma nstab l-ebda taqlib.
Il-Kummissarju qal li l-pulizija kienet qiegħda tagħti l-protezzjoni kollha lil Theuma. Qal li kull moviment ta’ Theuma kien jiġi infurmat l-ispettur Arnaud.
Il-Kummissarju saħaq, “Dan kellu close protection mill-pulizija imma apparti dawn it-tnejn kien ikollna tnejn oħra għassa wieħed mal-bieb prinċipali u l-ieħor fil-basement. Kien hemm reġistru ta’ min jidħol fil-binja u dan għaddha għand il-Maġistrat.”
Mistoqsi mill-ġurnalisti, Gafà qal li Theuma qatt m’għamel attentat simili. Fir-residenza tiegħu ma nstabet l-ebda droga u ma ħalla l-ebda nota ta’ suwiċidju.
Dwar is-sehem tal-Europol, il-Kummissarju qal li l-Europol għadhom parti mill-investigazzjoni.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm l-Assistenti Kummissarji Martin Sammut u Sandro Gatt u l-ispettur Keith Arnaud, li lkoll għaddejjien bl-investigazzjonijiet tagħhom.
Dwar dan il-każ inħatret ukoll inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima.