Il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma reġa’ beda jitkellem iżda xorta waħda se jibqa’ jinżamm l-isptar Mater Dei hekk kif għandu bżonn aktar kura.
Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm fil-kamra tas-sodda ta’ daru, b’sikkina f’idu u b’feriti f’għonqu u fil-kustilji.
It-Times irrapportat li l-vuċi tiegħu għadha batuta iżda qed jitkellem mingħajr bżonn t’għajnuna.
Huwa kien qal lill-Ispettur Keith Arnaud li l-feriti għamilhom hu stess fuqu nnifsu u dan stqarru kif seta’ fil-preżenza tal-paramediċi.
Theuma, li jinsab f’qagħda stabbli, kien għamel xi ġranet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, iżda mbagħad ġie trasferit fis-sala tal-ENT.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, li żaritu l-isptar, Melvin Theuma kiteb nota li turi wkoll li hu weġġa’ lilu nnifsu.
Melvin Theuma huwa x-xhud ewlieni fil-qtil ta’ Caruana Galizia u kien ingħata proklama biex jgħid is-sewwa.