Il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma qed ikompl juri sinjali ta’ titjib f’saħħtu iżda għadu ferm ‘il bogħod milli jirkupra u jkun f’kundizzjoni kif kien qabel weġġa’ lilu nnifsu.
Nhar il-Ġimgħa li għadda huwa ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei u rritorna f’daru.
Persuna qrib Melvin Theuma li tkellmet mal-gazzetta l-Orizzont qalet li huwa beda jitkellem ftit imma żgur mhux f’qagħda li jixhed fit-tul kif kien qed jagħmel waqt il-kumpilazzjoni tan-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Kien fil-21 ta’ Lulju li għadda li Theuma ddaħħal l-isptar wara li nstab f’għadira demm fil-kamra tas-sodda ta’ daru, b’sikkina f’idu u b’feriti f’għonqu u fil-kustilji.
Bil-mod kif seta’ dakinhar kien qal lill-ispettur Keith Arnaud li l-feriti għamilhom hu stess fuqu innifsu u dan stqarru wkoll fil-preżenza tal-paramediċi.
Huwa kien għamel xi ġranet fit-taqsima tal-kura intensiva iżda mbagħad ġie trasferit fis-sala tal-ENT fl-isptar Mater Dei.
Jum qabel ġie rilaxxat mill-isptar ġie rappurtat li reġa’ beda jitkellem.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, li żaritu l-isptar, Melvin Theuma kiteb nota li turi wkoll li hu weġġa’ lilu nnifsu.
Theuma kiteb ukoll, “Qed jidħku bija”, frażi li tista’ tiġi interpretata għal dak li qed iħoss Theuma dwar ix-xhieda tiegħu. Dan filwaqt li kiteb li Yorgen Fenech ġabu f’dan kollu.