Melvin Theuma, li kien ingħata proklama biex jixhed fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ittieħed l-isptar illejla fejn qed isofri minn ġrieħi serji.
Filwaqt li l-pulizija qed tinvestiga l-każ, l-ewwel indikazzjonijiet juru li s-Sur Theuma weġġa’ lilu nnifsu.
Kien meta l-avukat tas-Sur Theuma ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt miegħu, li nġibdet l- attenzjoni tal-pulizija mill-istess avukat.
Immedjatament, il-pulizija li tkun għassa fuq barra tar-residenza tas-Sur Theuma il-ħin kollu, daħlet fir-residenza flimkien ma’ mart
Melvin Theuma u sabet lis-Sur Theuma jsofri minn ġrieħi.
Kelliem għall-pulizija qal li Melvin qed jiġi operat bħalissa. Sorsi qalu ma’ One News li Theuma weġġa’ serjament lilu nnifsu f’għonqu u tilef ħafna demm.
Minnufih intalbet għajnuna medika u s-Sur Theuma ttieħed l-Isptar Mater Dei.
Dwar dan il-każ il-Pulizija, b’żieda mal-investigazzjoni tagħha, talbet li tinbeda inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa minnufih.