Illum kompliet il-kumpilazzjoni kontra l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, fejn instemgħu diversi recordings bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
Fir-recordings li nstemgħu, Cremona nstema’ jipprova jipperswadi lil Theuma sabiex jarmi kull recording li kellu marbutin mal-qtil, liema recordings inżammu minn Theuma għall-possibbiltà li dan jiġi arrestat.
Fil-Qorti ntqal kif Theuma kien jaf li dawn ir-recordings kellhom poter, hekk kif instema’ jgħid lil Cremona “Il-kliem ma jfissru xejn. Jien biss għandi l-provi.”
Fil-fatt, huwa sostna kif ried ikun ċert li Yorgen Fenech jaf bl-istess recordings.
Waqt is-seduta, Theuma kien viżibilment anzjuż, tant li f’ħin minnhom saħaq kif għadu jġorr il-ħtija tal-qtil ta’ Caruana Galizia bħal salib.
Huwa qal ukoll kif minħabba fih, familtu intlaqtet minn dan il-każ u b’hekk ibnu u n-neputi tiegħu ittieħdu fl-Aġenzija Appoġġ.
Hawn ħareġ ukoll kif wara l-arrest ta’ Vince Muscat, Fenech allegatament qal lil Theuma sabiex jibqa’ kalm u jmur għand tal-Maksar, minħabba l-fatt li Vince Muscat kien diġà qiegħed jikxef dak li jaf fuq il-każ fl-elfejn u dsatax.
Melvin Theuma, li huwa x-xhud ċentrali f’din il-kumpilazzjoni, sostna kif hu beda jaħsibha biex jikseb maħfra Presidenzjali hekk kif sema’ li Vince Muscat, kien qiegħed jipprova jagħmel l-istess ħaġa.